It-talbiet tal-President Volodymyr Zelensky biex il-Punent jipprovdi lill-Ukrajna b’aktar armamenti avvanzati għad-difiża qed ikunu realizzati fi żmien meta l-Istati Uniti adottat pożizzjoni aktar iebsa fil-konfront tar-Russja.
Dan ukoll meta l-President Russu, Vladimir Putin mhux lest li jikkonkludi l-gwerra fl-artijiet Ukreni li ilha għaddejja mindu t-truppi tal-Kremlin invadew it-territorji tal-ġar, fi Frar tal-2022.
Fil-fatt, il-Ministru Ġermaniż għad-Difiża, Boris Pistorius, qal li l-Ġermanja u l-Istati Uniti, issa, qablu biex ‘mingħajr telf ta’ żmien’ jittrasferixxu ħames sistemi ‘Patriot’ għal difiża kontra l-attakki mill-ajru lill-Ukrajna…Dan ukoll grazzi għal ftehim li ntlaħaq waqt it-taħditiet, f’Washington, bejn Pistorius u s-Segretarju tad-Difiża Amerikan, Pete Hegseth.
Il-Punent, intant, qed iwieġeb b’mod aktar konkret għal sitwazzjoni fejn ir-Russja qed iżżid l-attakki bil-missili ballistiċi u d-drones fuq l-Ukrajna. U s-sitwazzjoni qed issir aktar urġenti peress li ċerti kalibri ta’ missili (tar-Russja) għal fuq id-distanzi twal jistgħu jkunu eliminati biss mis-sistemi ‘Patriot’.
Min-naħa tiegħu, il-President Amerikan Donald Trump ukoll wiegħed li jibgħat l-armamenti avvanzati ( inklużi l-Patriots) lejn l-Ukrajna permezz tal-pajjiż-membri tan-NATO…Din il-bidla fil-politika ta’ Washington hi wkoll notevoli wara li l-Pentagon kien waqqaf għal żmien il-kunsinni tal-armi lill-Ukreni. Fl-istess ħin, huwa minnu li l-Alleanza tan-NATO għandha tiffinanzja s-sistemi ‘Patriot’ għall-Ukrajna.
Sistema tal-missili ‘Patriot’ kapaċi tindika u tinterċetta kważi kull tip ta’ missila ballistika fl-eżistenza… U l-preżenza ta’ dawn is-sistemi għandha tgħin lill-Ukreni biex irażżnu l-impatt tal-attakki kontinwi tal-qawwiet Russi fuq l-artijiet tagħhom…Attakki li rrankaw waqt konflitt li issa daħal sew fir-raba’ sena tiegħu
L-istess sistemi se jkunu parti vitali tad-difiżi Ukreni peress li anki kapaċi jinterċettaw il-missili cruise — minbarra li jżidu l-livell ta’ protezzjoni kontra l-attakki kbar fuq residenzi qalb iz-zoni urbani.
Koordinazzjoni fuq livell ta’ ‘Nato’
Boris Pistorius tenna li l-Ġermanja, l-Istati Unti u pajjiżi oħra tan-NATO, fil-preżent, qed jikkoordinaw bejniethom dwar il-movimenti tas-sistemi tad-difiża avvanzati lill-Ukreni.
Min-naħa tiegħu, il-President Ukren, Zelensky, ikkonferma li l-Ġermanja għandha tiffinanzja tnejn mis-sistemi ‘Patriot’ waqt li n-Norveġja għandha tieħu ħsieb l-ispiża ta’ sistema oħra simili għall-Ukrajna.
Il-Prim Ministru Norveġiż, Jonas Gahr Støre , min-naħa tiegħu, ikkonferma li n-Norveġja lesta biex tiffinanzja s-sistemi ‘Patriot’ għad-difiża ta’ Kiev u l-ibliet Ukreni oħra li qed jitkissru taħt l-assedju mill-ajru tal-qawwiet tal-Kremlin.
In-Norveġja, bħala waħda mill-pajjiżi-fundaturi tan-NATO, ilha sostenitur qawwi tal-Ukrajna sa mill-bidu tal-gwerra ta’ Putin — u fejn impenjat ruħha wkoll biex tikkontribwixxi l-ajrplani ‘fighter-jets’ tat-tip F-16 lill-militar ta’ Zelensky.
//= $special ?>