Ir-rappreżentanti tal-Ukrajna u r-Russja qed iħejju għal sessjoni ġdida ta’ taħditiet għall-paċi wara l-aħħar laqgħat inkonklussivi. It-taħditiet, fi kliem il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, għandhom isiru nhar l-Erbgħa f’Istanbul, fit-Turkija – waqt li s-sorsi tal-midja fir-Russja qed itennu li n-negozjati l-ġodda għandhom jitqassmu fuq jumejn; u f’dan il-każ bejn nhar il-Ħamis u l-Ġimgħa.
Zelensky, fl-aħħar sigħat, qal li hu u l-Kap tal-Kunsill Ukren għas-Sigurtà, Rustem Umerov, iddiskutew it-tħejjijiet għal skambju ieħor ta’ priġunieri mar-Russja. Sadanittant, Umerov – kuntrarju għat-timeline provdut minn Moska – qed jgħid li l-laqgħat mar-rappreżentanti Russi għandhom jibdew għada, l-Erbgħa, u mhux il-Ħamis.
Jirriżulta li r-Russja, fil-preżent, tista’ tkun aktar disposta li tiddiskuti l-gwerra mar-rappreżentanti tal-Ukrajna. Dan wara li l-President Zelensky, fi tmiem il-ġimgħa, ippropona t-taħditiet ġodda, fi żmien meta l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, esprima diżapprovazzjoni għall-fatt li l-Kremlin baqa’ jinjora t-talbiet tiegħu għal waqfien mill-ġlied fit-tul.
U issa, Trump qed jhedded lir-Russja bis-sanzjonijiet ‘akbar’ jekk il-President Vladimir Putin ma jikommettix għall-waqfien mill-ġlied mal-Ukrajna f’anqas minn 40 jum.
Mhux mistenni li t-taħditiet li jmiss f’Istanbul jipproduċu żblokk ‘mirakoluż’ fis-sitwazzjoni. Dan waqt li Dmitry Peskov, il-kelliem ewlieni tal-Kremlin, qal li ‘r-Russja se tibqa’ tinsisti għall-interessi tagħha fost id-determnazzjoni biex tilħaq it-tragwardi stabbiliti sa mill-bidu tal-konflitt’.
Peskov anki kompla jżid l-element ta’ inċertezza bil-kumment li qed jittama li t-taħditiet mal-Ukreni jsiru din il-ġimgħa – u fejn ma kkommettiex ruħu għal data.
Iż-żewġ rawnds preċedenti ta’ taħditiet diretti, f’Istanbul, bejn ir-rappreżentanti tal-pajjiżi avversarji fl-ebda ħin ma wrew xi progress fl-inizjattivi lejn it-tmiem tal-gwerra.
Fil-verità, il-pożizzjonijiet tal-Ukrajna u r-Russja għadhom ‘il bogħod sew minn xulxin, bir-Russi mhumiex juru rieda għal flessibbiltà fiċ-ċirkustanzi.
Kelliema għall-Gvern Tork qalu, issa, li t-taħditiet bejn l-Ukreni u r-Russi għandhom isiru fl-istess sit fejn kienu saru n-negozjati preċedenti ta’ Mejju u Ġunju.
Sadanittant, l-attakki mill-ajru tar-Russi fuq l-Ukrajna komplew matul illejl tat-Tnejn, bil-kapitali Ukrena Kiev tintlaqat minn mewġa ġdida ta’ missili u drones.
Il-qawwiet tal-Kremlin anki fetħu burraxka fuq bnadi oħra tal-Ukrajna, bi tfajjel jitlef ħajtu wara li blokk tal-appartamenti fil-belt ta’ Kramatorsk intlaqat minn glide bomb tar-Russi.
Iżda l-qawwiet tal-art Ukreni rrappurtaw aktar suċċessi fuq il-front tal-gwerra ta’ Pokrovsk, fil-lvant tal-Ukrajna, u fejn it-truppi tagħhom irreżistew b’suċċess għall-għexieren tal-attakki kontinwi mit-truppi tar-Russja.
//= $special ?>