Lokali

Maltija tingħaqad mal-ewwel Programm ta’ Intership għall-Atleti tal-Kumitat Paralimpiku Internazzjonali

Il-Kumitat Paralimpiku ta’ Malta (MPC) ħabbar li l-Maltija Maja Theuma PLY ingħatat internship prestiġjuż mal-Kumitat Paralimpiku Internazzjonali (IPC).

Maja Theuma se tingħaqad mat-tim tal-Brand, Kontenut u Komunikazzjoni tal-IPC bħala parti mill-Programm ta’ Internship għall-Atleti. Il-programm huwa mfassal biex jappoġġja atleti paralimpiċi li jkunu qed jgħaddu minn karrieri sportivi għal dawk professjonali, u joffri esperjenza prattika fi ħdan id-dipartimenti ewlenin tal-IPC.

Maja Theuma rrappreżentat lil Tim Malta fil-Logħob Paralimpiku ta’ Pariġi 2024 u hi ċ-Chairperson tal-Kunsill tal-Atleti Paralimpiċi tal-MPC u r-rappreżentanta tal-atleti paralimpiċi fil-kumitat eżekuttiv tal-MPC.

Matul is-snin, Maja Theuma kellha sehem ewlieni u ċentrali fl-inizjattivi edukattivi u ta’ għarfien tal-MPC, u fl-istess ħin segwiet karriera doppja bħala atleta u studenta. Maja rrappreżentat lill-klabb u lill-pajjiż fl-għawm paralimpiku f’time trials lokali, f’kompetizzjonijiet u kampjonati nazzjonali, fil-World Series tal-għawm paralimpiku, u f’avvenimenti ewlenin bħall-Kampjonati Ewropej u Dinjija, u stabbiliet għadd ta’ rekords nazzjonali fil-klassi S6 tal-għawm paralimpiku femminili.

Maja reċentement iggradwat b’Master tax-Xjenza fil-Ġestjoni Strateġika u l-Marketing Diġitali mill-Università ta’ Malta.

Meta kienet qed titkellem mill-Kwartieri Ġenerali tal-IPC, Maja Theuma saħqet li hija “eċċitata immens li se tingħaqad mat-tim tal-Brand u l-Komunikazzjoni tal-IPC bħala atleta intern. Bħala atleta paralimpika u gradwata fil-marketing, ma stajtx ngħid le għal din l-opportunità. Tgħaqqad perfettament il-passjoni tiegħi għall-isport mal-interessi professjonali tiegħi. Sentejn ilu, kelli l-unur li nkun waħda mill-kelliema fil-Forum tal-Atleti tal-IPC fil-Korea t’Isfel, fejn irrappreżentajt lil Malta f’diskussjoni dwar ir-rappreżentanza u t-tmexxija tal-atleti. Għadni niftakar liċ-Chief Brand and Communications Officer tal-IPC, Craig Spence, jistaqsini jekk nikkunsidrax li ningħaqad mal-IPC wara li niggradwa. Sentejn taru u għadni kemm bdejt ix-xogħol tal-ħolm tiegħi!

Il-Kumitat Paralimpiku Internazzjonali huwa l-korp governattiv globali tal-Moviment Paralimpiku u huwa bbażat f’Bonn, il-Ġermanja. Il-viżjoni tal-IPC hija li tinħoloq dinja inklussiva permezz tal-Isport Paralimpiku, immexxija mill-konvinzjoni qawwija li l-Bidla Tibda bl-Isport.