Atletika Sport

Matthew Galea Soler għal darb’oħra jikser ir-rekord nazzjonali tal-400 metru

Għat-tieni darba f’jumejn l-unuri tal-ġurnata fl-atletika u wisq aktar għal Matthew Galea Soler li reġa’ kiser ir-rekord nazzjonali tal-400 metru fil-Logħob tal-FISU (Federazzjoni Internazzjonali tal-Isport tal-Universitajiet).

Fit-32 edizzjoni tal-World University Games li qed isiru fir-Rhine – Ruhr fil-Ġermanja, fl-atletika riżultat mill-aqwa minn Matthew Galea Soler . Fil-Lohr heide Stadion, f’Bochum, wara li fil-heat temm fit-tielet post b’record nazzjonali b’46.82 sekondi, għadda għas-semifinali.

Fit-tielet semifinali ma ddiżappuntax. Matthew Galea Soler reġa’ kiser ir-rekord nazzjonali tal-400 metru meta għamel id-distanza f’46.63 sekondi. Huwa temm fir-raba’ post iżda ngħata it-tielet post wara li Jake Philip Palermo tal-Istati Uniti ġie skwalifikat. Is-semifinali intrebħet minn Patrick Simon Enyingi tal-Ungerija b’46.06 sekondi qabel Kira Hirakawa tal-Ġappun b’46.18 sekondi.

Rekord nazzjonali li għal Galea Soler, li għad għandu 19 il-sena, huwa wkoll rekord nazzjonali fil-kategoriji Taħt l-20 sena u Taħt it-23 sena. B’46.63 sekondi, Matthew Galea Soler temm fil-11-il post fil-klassifika ġenerali fost 24 atleta u 1.10 sekonda ‘l bogħod minn post f’finali storika għall-atletika lokali.