Il-Qorti tal-Appell Kriminali ppreseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, illiberat lil Amanda Agius mill-akkużi li kellha fil-pussess tagħha arma li kienet “taser gun”, li matul il-lejl volontarjament kisret il-mistrieh tan-nies b’għajjat u storbju fi klabb fiż-Żejtun.
Hi kienet ġiet ikkundannata tliet xhur ħabs sospiżi għal sena mill-Ewwel Qorti iżda ġiet illiberata mill-Appell minħabba li l-prosekuzzjoni ma ġabet l-ebda prova li hi kienet is-sid tal-arma inkwistjoni. Dan kien każ meta kienu għadhom fis-seħħ ċerti miżuri b’rabta mal-pandemija tal-Covid fejn wieħed ried iżomm ċertu distanza meta jmur jiekol f’xi ristorant.
Il-Pulizija kienet għamlet tfittxija fil-klabb ‘Red Stars’ fiż-Żejtun, li kien seħħ fis-sigħat bikrin tal-19 ta’ Settembru 2021. L-operazzjoni kienet saret mill-Pulizija tad-distrett flimkien mas-sezzjonijiet tal-RIU, ‘Dog Section’ u d-‘Drug Squad’.
Il-pulizija daħlu fis-sit għall-ħabta tat-3am, fejn sabu madwar 50 persuna ġewwa, ħafna minnhom mingħajr maskri u xi wħud ipejpu. Il-pulizija wettqu tfittxija fuq il-persuni kollha, u 14 minnhom instabu b’sustanzi suspettati li huma droga.
Il-prosekuzzjoni kienet esebiet diversi affidavits u dokumenti fosthom dikjarazzjonijiet ta’ Amanda Agius, ta’ binha Leon, tas-sid tal-istabbiliment Albert Mifsud, kif ukoll il-preżentazzjoni ta’ ‘shotgun’ li seta’ jintuża bħala arma moħbija.
Skont l-affidavit tal-Pulizija, Agius kienet fuq il-post wara l-bar flimkien ma’ binha u kienet qalet: “X’tippretendu, ġo ħanut bħal dan ma nżommx taser?” Minkejja dan, il-Qorti qieset li dawn il-kliem ma jfissrux li Amanda Aguis kienet qed tassumi responsabbiltà diretta għall-oġġett suspettat li seta’ kien ‘taser gun’, speċjalment fid-dawl li ma kienx hemm prova li dan l-oġġett kien tagħha.
Il-Qorti saħqet li l-prosekuzzjoni naqset milli tipprova li Amanda Agius kellha r-responsabbiltà diretta fuq l-istabbiliment, jew li kienet proprjetarja jew fil-pussess ta’ xi waħda mill-affarijiet li nstabu hemm ġew. Lanqas ma kien hemm prova diretta li Amanda kisret il-paċi pubblika, għajtet jew għamlet storbju żejjed, jew li kienet taf b’użu ta’ droga fuq il-post.
Il-Qorti tal-Appell qalet li l-prosekuzzjoni kellha tipprova r-responsabbiltà tal-akkużata mal-fond Red Stars. Il-fatt li kienet wara l-bank ma’ binha ma jfissirx li hija responsabbli għal dak li jigri gewwa l-fond li jappartjeni lil ċertu Albert Mifsud.
Għaldaqstant, il-Qorti ddeċidiet li tilqa’ l-appell ta’ Amanda Agius u ddikjaratha mhux ħatja tat-tielet, ir-raba’ u s-seba’ akkuża — jiġifieri dawk relatati ma’ storbju eċċessiv, ksur tal-paċi pubblika u pussess ta’ arma. Dan filwaqt li kkonfermat il-liberazzjoni tagħha mill-ewwel, it-tieni, il-ħames u s-sitt akkuża.
Agius kienet diġà ġiet illiberata mill-Qorti tal-Maġistrati fuq akkużi li bħala bar, kazin, ristorant, snackbar jew kiosk, li l-liċenzja tal-operat tagħha nkisret, għax ma kinitx magħluqa bejn is- 2am u l-5am. Ma nstabitx ħatja wkoll bħala stabbiliment li jipprovdi l-ikel, ma servietx biss lil-klijenti li kienu bilqegħda fuq mejda. Kif ukoll li bejn mejda u oħra ma nżammitx id-distanza ta’ żewġ metri.
Lanqas ma kienet instabet ħatja li ħalliet nies ipejpu u li bħala operatur ta’ attività turistika, ħalliet li l-post tagħha jintuża f’xi żmien għal għemil kontra l-liġi jew il-moralità pubblika.
Il-Qorti tal-Appell għaldaqstant ordnat li Amanda Agius tiġi kompletament illiberata mill-akkużi kollha kontriha.
//= $special ?>