Żbroff ieħor ta’ ilma ikkontaminat u mniġġes fl-ibħra ta’ pajjiżna, din id-darba fil-baħar taħt Dar il-Mediterran, propju fil-Belt Kapitali.
Kien għal ħabta tas-sagħtejn ta’ waranofsinhar tat-Tlieta meta d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali ħarġet notifika li reġa’ kien hemm żbroff ta’ ilma kkontaminat fil-baħar taħt Triq il-Mediterran fil-Belt Valletta – żona li bosta familji Beltin jinżlu jgawdu matul ix-xhur tas-sajf mal-familji tagħhom, b’baħar li qed jitqies bħala perikoluż għall-għawm.
Din mhux l-ewwel darba li rajna żbroff ta’ dan it-tip, hekk kif fl-aħħar xhur rajna wkoll żieda ta’ inċidenti simili – speċjalment f’żoni fejn hemm ammont kbir ta’ nies li preżentament qed jabitaw fihom.
Fost il-lokalitajiet li seħħ dan it-tip ta’ żbroff insibu ż-żona ta’ San Ġiljan, Ta’ Sliema, Birżebbuġa u San Pawl il-Baħar fost l-oħrajn.
Jidher li anke wara xogħlijiet infrastrutturali li saru minħabba kriżi fil-popolazzjoni ta’ pajjiżna, speċjalment fix-xhur tas-sajf, fejn pajjiżna jospita l-eluf ta’ turisti, xorta waħda qed ikollna każijiet ta’ żbroff ta’ ilma imniġġes li sussegwentament jaffetwa l-bajjiet tal-madwar.
Min naħa l-oħra fil-Bajja kien hemm xorta ammont sostanzjali ta’ nies li kienu qiegħdin jgħumu, b’residenti mal-madwar jisħqu ma’ dan l-istazzjon li għal inqas jista’ jkun hemm xi uffiċjali li javżaw u jwaqqfu l-dawn li ġejjin għall-għawm, speċjalment turisti, li jżuru bl-eluf minn tagħhom il-Belt Kapitali ta’ pajjiżna.
B’oħrajn jgħidulna li impossibli tiġbed ċerta nies ta’ kwalità jekk, anke fil-Kapitali ta’ pajjiżna, qed ikollna każijiet ta’ bajjiet imniġsa minħabba użu eċċessiv tal-infrastruttura ta’ Malta .
//= $special ?>