Opinjoni

OPINJONI: Wara tant sekli

Kitbet il-Glossaturi fil-fatt ippreservaw u ġabu lura għalina dak il-wirt sħiħ mill-ulied li għallmu l-liġi f’Bologna fl-Italja

minn Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali
u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem

Pajjiżna għandu x-xorti li għandu ġabra ta’ liġijiet li nbnew fis-sekli. Ma ġewx ivvintati mil-lum għal għada imma fi proċess li fih bnedmin varji taw sehemhom biex ġew imsawra.

Ħafna drabi xogħol u mertu ta’ bnedmin li studjaw u ddedikaw ħajjithom għas-servizz tal-liġi. Avukati, imħallfin, maġistrati, akkademiċi mhumiex propju l-aktar popolari fis-soċjetà imma huma f’dan kollu determinanti. Għax il-verità hija li kienu u huma, huma l-bnedmin li huma assolutament essenzjali biex ikun hemm għal ma’ dawk li jgħixu flimkien regoli ċari li jġibu l-ġustizzja u l-ordni.

Il-ġlieda għas-sewwa tiddependi fuq kemm din il-ħidma ssir kif għandha. Issir b’attenzjoni, għaqal u preċiżjoni. Il-liġi fil-verità mhix ħaġa moħġaġa imma xjenza fissa. Waħda li hija ugwali għal kull persuna.

Ġenerazzjonijiet

Ninsabu propju f’dan fil-punt storiku fis-sens normali tiegħu ta’ esperjenzi varji li ġbarna f’dawn il-gżejjer. Minn meta kellna bnedmin jgħixu f’dawn il-gżejjer kellna sistema jew sistemi legali li ħadmu.

Uħud ġejjien minn dak li pajjiżi oħra kienu qegħdin iħaddmu u oħrajn li nbnew hawn separatament, distintament bħala liġijiet Maltin. Dawk li saru għalina u baqgħu sakemm jew tneħħew jew wara nbidlu bħala parti mis-sistema tagħna. Dan kollu f’ħafna mertu ta’ dawk li kienu jagħtu pariri legali lil dawk li b’xi mod kienu jikkmandaw u jikkontrollawna.

Il-liġijiet li ġabu anki jekk fil-maġġorparti ma kinux “tagħhom” fis-sens li saru minnhom stess imma li kienu hekk għax aċċettati bħala dawk li emmnu li għandhom japplikaw għas-sudditi tagħhom.

Pajjiżna

F’ħafna aħna fortunati li aħna werrieta ta’ snin twal ta’ ħidma legali. Dik li saret minn dawk li ġabu fis-seħħ liġijiet speċjali tagħna u għalina u wara u magħhom dawk li prattikaw, applikaw, interpretawhom.

Hemm ġabra tagħhom li ma napprezzawx biżżejjed f’ħajjitna. Għandna iżda fl-arkivji nazzjonali tagħna dokumenti li jixhdu dan kollu. Prova ta’ dan il-proċess. Pajjiżna f’dan mexa ħafna meta wieħed jaqrahom jew jiġi f’kuntatt magħhom f’sentenzi jew kitbiet oħra.

Jekk aħniex fil-fatt parti ‘pura’ mill-ħsieb u l-kultura oċċidentali minn Ruma nkella f’dak li ġie żviluppat aktar tard fil-Lvant f’Kostantinopli, dan fih x’tiddibatti. Imma l-fatt jibqa’ li aħna werrieta ta’ ħidmet il-ġuristi varji li missierhom b’xi mod hu Irinew.

Disa’ mitt sena

Għalkemm hemm nuqqas ta’ qbil u ideat varji dwar in-nazzjonalità isem u ħidmet dan il-bniedem, kif ukoll ma’ dan il-jum li twieled jew miet, jidher li huwa aċċettat minn diversi li kien ġurista u għalliem li twieled fl-1055WK u miet fl-1255WK.

Hu dak li ġie akkreditat li skopra mill-ġdid parti mill-kitba legali li kienet inġabret mill-Imperatur Ġustinjanu (483-565 WK) fl-erba’ kotba tiegħu, dak preċiżament magħruf bħala d-Digesto (533 WK). Ktieb legali li dawwar paġna ġdida fit-triq biex f’dik l-Università, f’dak iż-żmien infetaħ bieb beraħ li wassal biex twieldet tradizzjoni ta’ studju tal-liġi unika fiha nnifisha.

Parti minn dak li hu magħruf għalina bħala l-Glossaturi. Dawk li kitbu studji dettaljati fuq dak li qraw u kkummentaw li saru huma stess kunsidrati tant mimlija awtorità li ngħataw il-forza ta’ liġi. Bnedmin tal-liġi imma wkoll tat-tradizzjoni nisranija.

Elf, erbgħa mija u sittin sena

Daqshekk naċċettaw li għadda żmien minn meta miet Ġustinjanu li mertu tal-ħidma imperjali tiegħu seħħ dan il-proċess kontinwu ta’ studju. Irinew hu importanti għax ikkummenta dak li l-Imperatur ippromulga.

F’perijodu ta’ żmien li terġa’ wkoll wieħed irid ifakkar aktar kif propju fl-1091WK l-Konti Ruġġieru illibera lil pajjiżna biex dħalna lura taħt mexxejja Ewropej u wkoll lura fil-Kristjaneżmu.

Kitbet il-Glossaturi fil-fatt ippreservaw u ġabu lura għalina dak il-wirt sħiħ li l-ġuristi fl-Imperu Ruman għaddewlna. Għalhekk f’ħafna ċertament ninsabu  parti minn dik il-linja ta’ ħsieb u kultura legali. Biss wara tant snin u wara tant studju u interpretazzjoni wieħed irid jikkunsidra f’liema pożizzjoni ninsabu. Għandna nistaqsu jekk ix-xjenza legali avvanzatx fil-preċiżjoni tagħha.

F’pajjiżna

Nistaqsu jekk aħniex f’pożizzjoni li niddikjaraw jekkimxejniex ’il quddiem u llum aħniex ċari tant fuq kif se jiġu interpretati l-liġijiet sħaħ li għandna. Inkella ninstabux fit-triq fejn kull ġudikant jistax ivarja skont x’jara li hija l-liġi.

Forsi huwa mument ta’ riflessjoni, aktar u aktar għax illum fil-qrati tagħna għandna numru ta’ persuni li jservu li dmirhom huwa li jgħinu lill-ġudikanti fir-riċerka legali li diversi kawżi jitolbu.

Għandna l-opportunità li niġbru dak li qed isir biex ma jkunx hemm bżonn xogħol doppju kif ukoll ikun għad-dispożizzjoni ta’ kull min jaħdem fil-liġi. Għandna f’dan bit-tekonoloġija għad-dispożizzjoni tagħna mod ta’ kif ix-xjenza tal-liġi timxi u nkunu preċiżi aktar fuq kif nistgħu niggwidaw min jitlob mingħandna pariri kif ukoll innaqsu ċertu kawżi u appelli.

Għall-ġustizzja

F’dan kollu dmirna huwa lejn il-ġustizzja, l-ugwaljanza u l-ordni. Fl-aħħar kitba dwar Irinew li qrajt laqtitni din l-osservazzjoni; “There is no doubt that, in Irnerius’s view justice – the manifestation of the harmonius balance concieved by God’s plan in Creation – is the first and fundamental aim to be pursued by the legal system. It happens, nevertheless, that sometimes human laws order things differently.”

U jkompli hekk; “With deeper insight, he finds that law, with its authority, shares the same goals as equity, namely the pursuit of justice. This must be found precisely by means of patient and accurate investigation, because words, far from making the meaning of the law clear, sometimes obsure it.”

Fl-aħħar mill-aħħar

Dak li writna u dak li għandna f’idejna biex inħaddmu jiddependi fuq studju tajjeb u fil-fond. Jitlob li wieħed iħares lejn il-passat mhux neċessarjament biex jaċċettah mingħajr ma jistaqsi jekk hux tajjeb u ġust, imma biex iżommu rilevanti għalina.

F’dan nirriflettu aktar jekk aħniex viċin twettiq ta’ preċiżjoni fit-triq lejn tħaddim u tisħiħ tax-xjenza legali. Inkella aħniex lura fl-inċertezza li ma tagħmilx ġid lil sistema legali.

Wara tant sekli għandna naraw kif qed nipprattikaw, napplikaw u ninterpretaw il-liġi u nħarsu ’l quddiem biex ikollna sistema tkompli timxi ’l quddiem. 

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 22 ta’ Lulju, 2025.