L-eks plejer internazzjonali Ingliż, Paul Gascoigne jinsab rikoverat l-isptar wara li ħassu ħażin u kkollassa fir-residenza tiegħu.
Gascoigne, li għandu 58 sena, ittieħed mill-ewwel l-isptar b’urġenza mix-xufier u l-assistent personali tiegħu, Steve Foster, wara li dan sab lill-eks leġġenda tal-futbol Ingliża, fi stat fejn kien nofsu mitluf minn sensih, f’Dorset.
“Paul jinsab l-isptar, li bħalissa hu l-aħjar post possibbli fejn għandu jkun,” qal Foster.
Hu mifhum li l-inċident ta’ Gascoigne seħħ nhar il-Ġimgħa li għadda u immedjatament dan iddaħħal l-isptar fis-sala tal-kura intensiva. Madankollu, l-eks plejer ta’ diversi klabbs, fosthom Tottenham Hotspur, Newcastle United, Rangers, Laizo, Middlesbrough u Everton iddaħħal f’sala oħra medika tal-isptar. Jingħad li l-kundizzjoni ta’ Gascoigne hi waħda stabbli.
//= $special ?>