Dik li kellha tkun btala f’pajjiż twelidu, inbidlet fi traġedja hekk kif anzjan tilef ħajtu wara li għereq fil-Bajja tal-Ħondoq, f’Għawdex.
Salvu Vella, huwa l-anzjan ta’ 73 sena li tilef ħajtu t-Tnejn filgħaxija meta sab ruhu f’diffikultà fil-Bajja tal-Ħondoq, fil-Qala, Għawdex.
Kienu għall-ħabta tas-sitta u nofs tat-Tnejn filgħaxija meta anzjan ta’ 73 sena sab ruħu f’diffikultà waqt li kien qed jgħum fil-Bajja tal-Ħondoq. Persuni li kienu preżenti, lemħu lir-raġel fil-baħar u tellugħ, fejn anke tawh l-ewwel għajnuna tagħhom.
It-Times of Malta, żvelat li dan l-anzjan huwa Salvu Vella, raġel Malti – Awstraljan li attwalment jgħix f’Melbourne u li kien f’pajjiżna għall-btala tas-sajf.
Bir-rapporti jindikaw li dan ir-raġel ingħata l-għajnuna minn persuni fil-viċin anke permezz ta’ defibrillator – apparat mediku li jgħin sabiex il-qalb terġa’ taqbad ir-ritmu tagħha.
Il-Pulizija, tim mediku u ambulanza isejħu fil-post u minnufih komplew jagħtu l-għajnuna lil Vella.
Huwa ttieħed l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għal aktar kura, iżda sfortunatament kien iċċertifikat li tilef ħajtu ftit tal-ħin wara l-wasla tiegħu fl-Isptar.
Il-Maġistrat Simone Grech ġiet infurmata b’dan il-każ u fetħet inkjesta filwaqt li l-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha b’rabta ma’ dan il-każ.