Lokali Qorti

Sentenza sospiża u multa ta’ €2,000 wara li ta l-kokaina lil tifla ta’ 13-il sena

Il-Qorti Kriminali sabet ħati lil Ayrton Bugeja, residenti l-Floriana, li ta kokaina lil tifla ta’ 13-il sena, li aktar tard ġiet rikoverata l-isptar wara li spiċċat b’overdose. Huwa ngħata sentenza sospiża u ġie mmultat €2,000, f’każ li jmur lura għall-24 ta’ Ġunju 2016.

Skont it-testimonjanzi fil-Qorti, Superintendent Hubert Cini xehed li ġie msejjaħ fl-Isptar Mater Dei għall-ħabta tal-11:30am wara li tifla kienet ġiet ammessa fuq suspett ta’ overdose minn sustanza narkotika. Il-vittma kienet spjegat lill-Pulizija li kienet marret f’Paceville ma’ ħabiba tagħha u hemm kienu ltaqgħu ma’ Bugeja, li taha l-kokaina.

Skont il-vittma, wara li ħarġu minn Paceville għall-ħabta tas-7am., marret id-dar tal-ħabiba tagħha fil-Birgu fejn intilfet minn sensiha. Il-mara kienet tidher qisha “mejta” meta ommha ratha l-isptar, skont xhieda tagħha.

Il-Pulizija kienu intervistaw lil Bugeja, li ammetta li kien magħha fi klabb iżda ċaħad li taha d-droga. Madankollu, il-vittma xehdet li kienet daħlet ma’ ħabibitha Ġanpula, imbagħad fi playground, u wara ġewwa Clique f’Paceville. Hi stqarret li kienet ikkunsmat madwar 16-il linja kokaina, iżda ma kinitx ċerta eżatt il-kwantità.

Fl-2022, il-vittma kompliet tixhed li meta kienet fil-kamra f’dar, il-ħabiba tagħha bdiet tħoss li kienet se tintilef minn sensiha u ħarġet barra, fejn ħasset li kienet imbuttata u mbagħad għalqet għajnejha. Hi qalet ukoll li qatt ma xtrat id-droga hi stess, iżda l-ħabiba tagħha kienet tixtriha u kultant toffrilha.

Min-naħa tiegħu, l-akkużat qal li kien l-ewwel darba li ltaqa’ mat-tifla, li kienet akkumpanjata minn tfajla oħra u raġel ikbar fiż-żmien. Hu qal ukoll li ra lil dawn jidħlu u joħorġu mit-toilet bosta drabi, iżda ċaħad li ta jew uża droga.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Gianella Camilleri Busuttil, qieset li kienet qed taffaċċja żewġ verżjonijiet kontradittorji, iżda kienet tidher sodisfatta bl-affidabbiltà u konsistenza tat-testimonjanzi tat-tifla.

Għaldaqstant, iddeċidiet li ssib lil Bugeja ħati li traffika droga permezz tal-qsim ta’ kokaina ma’ persuna oħra. Madankollu, ġie meħlus mill-akkuża ta’ reċidiva, peress li l-prosekuzzjoni naqset milli tipprovdi prova dokumentata dwar dan.

Il-Qorti enfasizzat is-serjetà tal-akkuża, partikolarment il-fatt li d-droga ingħatat lil persuna vulnerabbli u minorenni, u li l-effett kien rikoverazzjoni fl-isptar minħabba overdose. Minkejja li ma ġiex stabbilit eżatt il-volum tad-droga, l-effett tagħha kien evidenti. Il-Qorti wkoll ikkunsidrat il-fatt li l-akkużat ġie mħarrek ħames snin wara l-inċident.

Ayrton Bugeja ġie kkundannat għal sentejn ħabs sospiżi għal tliet snin u mmultat €2,000.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mis-Superintendent Hubert Cini, u l-każ kien ippresedut mill-Maġistrat Gianella Camilleri Busuttil.