Sirjan residenti l-Fgura, li jinsab fuq il-libertà proviżorja filwaqt li qed jistenna li jgħaddi ġuri fuq akkużi ta’ traffikar ta’ persuni, rnexxielu jivvjaġġa b’mod mhux awtorizzat lejn is-Sirja, minkejja li l-Qorti kienet ħarġitlu biss permess biex imur ir-Rumanija. Għaldaqsant huwa spiċċa biex tilef il-pleġġ u reġa’ spiċċa l-ħabs.
Dan il-każ mhux biss ħoloq theddida serja għall-fiduċja fis-sistema tal-ġustizzja, iżda wassal ukoll biex ibnu u tabib minn Ħal Qormi tressqu l-qorti akkużati li għenu biex jgħattu l-ksur tal-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest, semgħet il-Qorti, t-Tlieta wara nofs inhar.
Hamid Saleh, raġel ta’ 48 sena, Sirjan li joqgħod Fgura, ġie akkużat li ċaħad il-kundizzjonijiet tal-Qorti meta ħalla Malta nhar l-11 ta’ Lulju u mar is-Sirja, u reġa’ lura fit-20 ta’ Lulju. Dan minkejja li kien ingħata permess biss biex jivvjaġġa lejn ir-Rumanija bejn it-13 u l-24 ta’ Lulju.
Sabiex jgħatti l-assenza tiegħu, tħejja ċertifikat mediku falz, li jgħid li ma setax jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija fil-12 ta’ Lulju. Dan iċ-ċertifikat ġie ppreżentat lill-Pulizija minn ibnu, Saleh Saleh, ta’ 22 sena, li ammetta li għaddih fuq ordni ta’ missieru. Il-ċertifikat mediku nħareġ mit-tabib Raymond Fenech, ta’ 69 sena minn Ħal Qormi.
Kemm Saleh Saleh kif ukoll Dr Fenech tressqu l-qorti akkużati b’dikjarazzjonijiet foloz lil awtorità pubblika, bl-akkuża ta’ Fenech tingħata piż aggravat minħabba l-istatus tiegħu bħala uffiċjal pubbliku. Saleh ż-żgħir, li jinsab ukoll akkusat f’każ separat ta’ serq u ġrieħi gravi, wieġeb ħati u ġie ikkundannat għal 18-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin, kif ukoll ġie mmultat €1,000 mill-ħlas proviżorju ta’ €3,000.
L-Ispettur Lydon Zammit stqarr li l-azzjoni tiegħu kienet motivata minn lealtà lejn missieru u ikkopera mal-investigazzjoni. Min-naħa tiegħu, t-tabib Fenech ġie arrestat fil-klinika tiegħu u ngħata ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €8,000.
Huwa ġie ordnat jiffirma darbtejn fil-ġimgħa u jkun id-dar sad-9pm. u ma joħroġx qabel il-5am. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa kollha għall-ħelsien, b’Zammit jisħaq li dan kien każ “serju ħafna” fejn tabib għen biex wieħed jabbuża mis-sistema. Id-difiża mmexxija mill-avukat Franco Debono insistiet fuq l-età u l-kundizzjoni medika tiegħu.
Hamid Saleh, tressaq separatament u wieġeb mhux ħati għal diversi akkużi, fosthom użu ta’ ċertifikat mediku falz, dikjarazzjoni falza, ksur ta’ żewġ kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest u ksur tal-Ordinanza dwar il-Passaporti.
L-Ispettur Zammit qal li waqt l-arrest, fuq Hamid instab passaport alternattiv Sirjan li fih jidher dħul fis-Sirja. Qal li Saleh ma ta ebda spjegazzjoni għalfejn mar lura pajjiżu li qabel kien sostna li kien perikoluż għal ħajtu, tant li ngħata protezzjoni sussidjarja f’Malta.
L-Ispettur Karl Roberts żied li l-uniku rabta ta’ Hamid ma’ Malta kienet il-każ pendenti ta’ traffikar u l-istatus ta’ protezzjoni li kien igawdi. Id-difiża mmexxija mill-avukati Alfred Abela u Matthew Xuereb talbet il-ħelsien mill-arrest, billi argumentaw li Hamid ritorna lura minn rajh, għandu familja f’Malta inkluż mara u seba’ itfal, u li kien hemm min lest ikujn ta’ garant personali.
Il-Maġistrat Ann Marie Thake ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, u qalet li ma kellhiex serħan il-moħħ li Saleh kien se jaderixxi mal-kundizzjonijiet fil-futur.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Lydon Zammit u Karl Roberts. Franco Debono u Marion Camilleri dehru għal Dr Fenech; Nicholas Mifsud għal Saleh Saleh u Alfred Abela u Matthew Xuereb għal Hamid Saleh.
//= $special ?>