Tliet żgħażagħ Sqallin tressqu l-Qorti wieġbu mhux ħatja ta’ akkużi ta’ serq b’valur ta’ €40,000 minn tliet persuni f’beach club, fi Qui-Si-Sana, Tas-Sliema. L-akkużati Simone Serrafino ta’ 25 sena, Michele Messineo ta’ 26 sena, u David Francesco Messineo ta’ 23 sena, kollha residenti Sqallija, kienu qegħdin Malta għall-btala.
Il-każ seħħ fl-20 ta’ Lulju meta l-pulizija tad-Distrett ta’ tas-Sliema ġew infurmati mis-sigurtà tal-beach club dwar suspett li dawn it-tliet żgħażagħ kienu serqu diversi affarijiet mingħand persuni li kienu preżenti fil-post.
Skont l-Ispettur Ian Azzopardi, persuna minnhom ġiet misruqa arloġġ u mobile li jaqbżu l-valur ta’ €2,329.37, filwaqt li tliet mobiles oħra nsterqu minn żewġ persuni oħra. Il-valur totali tas-serqa hu stmat li jlaħħaq mal-€40,000.
Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba għall-ħelsien mill-arrest, billi qalet li l-akkużati ma għandhomx rabtiet ma’ Malta u kienu qegħdin jistennew li jitilqu lura Sqallija. Ġiet ukoll enfasizzata l-gravità tal-akkużi.
Id-difiża, immexxija mill-avukat tal-għajnuna legali Joseph Calleja, qalet li huwa ċar li l-akkużati huma turisti u għalhekk m’għandhomx rabtiet mal-pajjiż. Madankollu, jekk jingħataw il-ħelsien mill-arrest, kienu lesti joqogħdu fl-istess lukanda fejn kienu akkomodati, sakemm jinstab indirizz permanenti.
Calleja insista li ma għandux ikun hemm preġudizzju sempliċement għax huma barranin u li l-preżunzjoni tal-innoċenza għandha tibqa’ tipprevali, speċjalment fid-dawl li kollaboraw mal-pulizija u taw verżjonijiet ċari ta’ x’ġara.
Minkejja dan, il-Maġistrat Ann-Marie Thake ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Ian Azzopardi u mill-avukati tal-Avukat Ġenerali Manuel Grech u Daniel Vancell.
//= $special ?>