Anzjana ta’ 79 sena tilfet ħajjitha u anzjan spiċċa fil-periklu tal-mewt wara li kienu involuti f’inċident tat-traffiku f’Ħal Lija.
Il-każ seħħ aktar kmieni llum għall-ħabta tal-10:30, fi Triq il-Mosta, Ħal Lija, meta għal xi raġuni seħħet ħabta bejn karozza Suzuki Swift misjuqa minn raġel ta’ 81 sena u joqgħod il-Mosta, u van Renault Traffic misjuq minn raġel ta’ 24 sena residenti l-Imtarfa. Fis-Suzuki, kien hemm ukoll mara ta’ 79 sena residenti l-Mosta.
Fil-post issejħu l-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, kif ukoll tim mediku, u ambulanzi ħadu lill-persuni kollha l-Isptar Mater Dei sabiex jingħataw il-kura meħtieġa.
Sfortunatament, il-mara ġiet iċċertifikata mejta ftit tal-ħin wara filwaqt li l-anzjan l-ieħor
jinsab f’qagħda serja. Ir-raġel l-ieħor weġġa’ ħafif.
Il-Maġistrat Ian Farrugia ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

