Waqt li qegħdin fl-eqqel tas-sajf, għadd ta’ lokalitajiet qed jibqgħu jesperjenzaw qtugħ tad-dawl – fosthom iż-Żejtun, l-Imsida, Tal-Pietà u s-Swatar.
F’xi lokalitajiet id-dawl qed jinqata’ mal-lejl, iżda f’ lokalitajiet bħas-Swatar, id-dawl inqata’ fl-eqqel tas-sħana mal-ġurnata; b’xi partijiet jesperjenzaw dan il-qtugħ għal aktar minn sagħtejn.
Minkejja li l-Enemalta għamlu x-xogħlijiet sabiex fis-Swatar ġew imsewwija l-cables tad-dawl, ir-residenti xorta esperjenzaw qtugħ fil-provvista tal-elettriku, tant li ħafna familji sostnew li d-dawl qata’ u reġa’ ġie madwar erba’ darbiet f’temp ta’ sagħtejn.
Huwa mistenni li diversi lokalitajiet oħrajn se jkunu qegħdin ikomplu jesperjenzaw dan il-qtugħ matul ix-xhur tas-sajf, bħalma ġara fis-snin li għaddew –– kawża ta’ nuqqas ta’ ppjanar minn naħa tal-Gvern.