Lokali Opinjoni

Biex l-istorja ma tinqalibx ta’ taħt fuq…

B’turija ta’ rispett lejn persuna li mxiet skont il-kuxjenza

minn Victor Camilleri
Eks Editur ta’ In-Nazzjon

u Il-Mument

Ftit tal-ġimgħat ilu tħabbret il-mewt ta’ Chris Agius, Eks President taż-Żgħażagħ Laburisti (1988-1993), Eks Viċi Sindku ta’ Wied il-Għajn u eks kandidat tal-Partit Laburista u, naturalment, kienu ħafna, kif xieraq, il-kitbiet ta’ apprezzament għal dan is-sehem politiku tiegħu, twil fiż-żmien u ta’ kontenut sostanzjali.
Jien, għalkemm ta’ fehma politika differenti, nuri l-apprezzamnet tiegħi għal dan il-kontribut u, b’rispett, anzi b’dover, qed infakkar hawn, ġrajja li fiha Chris Agius kien involut sa għonqu, fil-proprju sens tal-kelma, li ftit li xejn nies għadhom jiftakru jew jafu dwarha.
Din il-ġrajja ddur madwar dak li kien seħħ quddiem il-monument tal-ħelsien fil-Birgu, proprju f’Jum il-Ħelsien, tal-1989 li, inċidentalment kellha tkun l-aħħar ċerimonja uffiċjali tal-Aġent President Pawlu Xuereb billi ftit żmien wara kellu jinħatar Ċensu Tabone bħala President ta’ Malta.
Fl-awtobijografija tiegħu, Eddie Fenech Adami jirrakkonta fuq fuq dak li seħħ fil-Birgu, qabel, waqt, u wara inċidenti gravi ħafna kawżati minn imġiba deplorevoli ta’ għadd kbir ta’ partitarji Laburisti. Dawn l-inċidenti wasslu biex il-Kap Kmandant tal-Forzi Armati kien kostrett jaqbeż il-baħar biex jevita attakk ċert minn din il-folla ostili.
Chris Agius kien preżenti anki għaliex dak iż-żmien kien il-President taż-Żgħażagħ Laburisti. Hu mhux biss osserva dak li kien għaddej iżda wettaq att erojku li ftit kienu jafu dwaru. Jien, li dik il-ħabta kont l-editur ta’ In-Nazzjon, qatt ma kont smajt b’dan iżda bħal kulħadd, bqajt mistagħġeb meta fil-31 ta’ Marzu 2017, Chris Agius, b’kuraġġ, kiteb fit-Times of Malta x’kien ġara sewwasew fil-Birgu, 38 sena qabel.
Dan hu r-rakkont xokkanti tiegħu li se jibqa’ xhieda tal-eroiżmu tiegħu u ta’ x’jiġri meta wieħed ifittex li jagħmel is-sewwa skont il-kuxjenza għal darba darbtejn… fil-baħar u permezz tal-kitba.

Chris Agius

Il-verità VERA dwar l-inċidenti ta’ għajb li seħħew fil-Birgu f’Jum il-Ħelsien 1989

Dan l-artiklu qed niktbu għaliex fil-kuxjenza ħassejt li għandi nagħti l-aqwa ġieħ rispettuż lil bniedem li għalkemm politikament ma naqsmux l-istess ideat u ideali, dak li għamel hu tagħlima għalina lkoll li l-istorja, meta tkun rakkuntata – kemm fiż-żmien li sseħħ kif ukoll meta jgħaddi ż-żmien minn fuqha – qatt ma għandha tinqaleb ta’ taħt fuq għal xi għan jew ieħor.
Chris Agius, f’Jum il-Ħelsien tal-2017, kiteb fit-Times of Malta dwar dak li kien ġara quddiem il-monument tal-ħelsien fil-pjazza tal-Birgu meta filgħodu kienet qed issir iċ-ċerimonja tal-okkażjoni bis-sehem tal-Forzi Armati mmexxijin mill-Kap Kmandant John Spiteri.
Dakinhar il-Partit Laburista kien sejjaħ lill-partitarji tiegħu biex jattendu dik iċ-ċerimonja u Chris Agius, President tal-Għaqda Soċjalisti, kien hemm ukoll. Jgħid li f’daqqa waħda, minn fuq loudspeakers li kien poġġa hemm il-MLP, beda jindaqq f’volum għoli ħafna, l-innu ta’ Jum il-Ħeslien.
Agius jgħid li dan kien żball kbir għaliex irnexxielu jisfratta l-parata tal-FAM billi s-suldati ma setgħux jisimgħu l-istruzzjonijiet ta’ min kien qed imexxi dik il-parata. “Hawnhekk,” żied Agius, “il-parata sfaxxat… rajt suldati bid-dmugħ f’għajnejhom għal din l-umiljazzjoni u bil-folla tiżżufjetta bihom!”
Il-Kap Kmandant tal-FAM John Spiteri, deher frustrat u rrabjat għal dak li kien qed jiġri. Spiteri dik il-ħabta kien ukoll l-Aġenti Kummissarju tal-Pulizija u, skont Agius, dan xejn ma kien popolari mal-Laburisti.
F’daqqa waħda l-folla xegħlet bir-rabja u bdiet tersaq perikolożament lejn il-Brigadier Spiteri li, fis-sewwa, ma setax ikun protett mit-truppa tiegħu għaliex il-folla kienet ħafna akbar. “Dak il-ħin rajt lil John Spiteri se jaqla’ daqqa ta’ xabla fuq rasu iżda b’xi mod irnexxieli niddevjaha. Ix-xabla kienet l-istess waħda li kienet inħatfet mingħand il-Brigadier.”
F’dawk iċ-ċirkustanzi bil-folla tiġri warajh, il-Kap Kmandant ma kienx fadallu soluzzjoni oħra ħlief li jaqbeż fil-baħar. Kien hawnhekk li Agius jgħid li nesa għalkollox kwalunkwe argument politiku iżda ftakar biss li meta kien iżgħar bħala student hu kien jifforma parti mill-Helicopter Flight Unit tal-AFM u ddeċieda li jaġixxi… qabeż il-baħar u għam fid-direzzjoni tal-Brigadier biex jgħinu.
Għalkemm fi stat ta’ xokk, il-Brigadier għaraf lil Chris Agius li, mill-baħar baqa’ josserva dak li kien qed iseħħ fuq l-art, inkluż raġel irrabjat ħafna li deher jipponta arma fid-direzzjoni ta’ Spiteri waqt li kien qed jgħajjat biex Agius jitlaq minn ħdejn Spiteri. “Jien m’għamiltx dak li ried dan ir-raġel; bqajt hemm inkopri lil Spiteri li kien jidher imweġġa’ sew… fortunatament dak ir-raġel ma sparax,” żied Chris Agius fl-artiklu tiegħu fit-Times.
Mal-ħin, il-folla eventwalment ikkalmat u reġgħet kienet stabbilita l-ordni f’dawk l-inħawi. Chris Agius qal ukoll li kien hemm ħafna fil-folla Laburista li bdew jinkwetaw dwaru wkoll. Fost dawn hu rringrazzja lil żewġ partitarji Laburisti, Alfred Kitcher u Raymond Tabone li, bi qlubija, qabżu huma wkoll fil-baħar biex tellgħu lill-Brigadier u lilu fuq l-art.
Familja mill-Birgu tat lil Agius ħwejjeġ biex ibiddel u saħansitra wasslitu lura d-dar.
Chris Agius kiteb li kien kuntent li dakinhar wettaq dmiru biex jgħin ħalli jsalva l-ħajja tal-Kap Kmandant tal-AFM proprju fil-jum li pajjiżna kien qed jiċċelebra ‘il-ħelsien’. “X’ironija!” esklama Agius.
F’dik il-kitba tiegħu, Chris Agius spjega kif kien wasal jikteb il-verità VERA dwar dik il-ġrajja. Qal li f’Awwissu tas-sena ta’ qabel hu kien weġġa’ gravement f’inċident tat-traffiku u qal li kien fortunat li baqa’ ħaj. Kien f’dawk iċ-ċirkustanzi, fejn kien għoddu miet, li fuq is-sodda tal-isptar, iddeċieda li jirrakkonta b’mod dettaljat dak li kien għadda minnu 30 sena qabel.
L-att ta’ Chris Agius li ma jħallix il-fatti ta’ din il-ġrajja moħbija jew jitgħawġu minn min seta’ kellu interess li jagħti verżjoni falza ta’ dak li verament seħħ, għandu jkun rikonoxxut… anzi imitat.
Min jaf kemm hawn nies li jafu fatti preċiżi u li sal-lum għadhom qatt ma ħarġu fil-beraħ f’tant każi li baqgħu qatt ma ssolvew. Dan l-eżempju ta’ Chris Agius juri li meta tagħmel hekk mhux talli ma jibqagħlekx rimorsi interni, talli tħossok liberu li għamilt il-biċċa tiegħek biex għall-inqas il-fatti ma jindifnux miegħek meta jgħaddu s-snin.
Għal dan kollu u bl-akbar rispett, insellem lil Chris Agius li kien raġel biżżejjed biex fejn tidħol is-sewwa ma jħalli l-ebda dubju lejn fejn kien ixaqleb.
Mhux li kien kont naf dan kollu dakinhar li seħħew l-inċidenti u kont qed naħdem fuq il-ħarġa tal-għada tan-Nazzjon!
Il-Mulej jagħti l-mistrieħ ta’ dejjem lil Chris Agius u s-sabar lill-għeżież tiegħu.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 23 ta’ Lulju, 2025.