L-Eks Kummissarju Ewropew Helena Dalli mistennija tkun appuntata Aġent President ta’ Malta mill-Prim Ministru bla ma ikkonsulta mal-Kap tal-Oppożizzjoni.
Helena Dalli se tkun qed tieħu l-irwol ta’ Aġent President ta’ Malta; liema kariga li kienet okkupata minn Francis Zammit Dimech li miet fil-21 ta’ April. F’kummenti li tat lit-Times of Malta, Dalli kkonfermat li se tkun qed taċċetta dan l-irwol.
F’messaġġ fuq il-media soċjali, il-Kap tal-PN Bernard Grech qal li kien biss siegħa wara li l-media ħabbret li Helena Dalli se tinħatar Aġent President li waslitlu ittra mingħand il-Prim Ministru biex tgħidlu proprju dan. “Mhux biex jikkonsultani. Sempliċiment biex jinfurmani. U l-informazzjoni kienet diġà waslitli, kif waslet għand kulħadd – mill-media”, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni.
Bernard Grech insista li Robert Abela la jaf x’inhi għaqda u lanqas jaf xi tfisser konsultazzjoni. Jaf biss kif juża lil kollox u lil kulħadd biex jasal fejn jaqbel lilu. Issa anke l-Presidenza qed juża.
Serviet fil-Kabinett ta’ Joseph Muscat
L-Aġent President Helena Dalli se tieħu r-responsabiltajiet kollha tal-President ta’ Malta meta din tkun imsiefera jew meta tkun indisposta minħabba raġunijiet mediċi.
Helena Dalli laħqet Membru Parlamentari fl-1996, meta Alfred Sant kien Prim Ministru, serviet bħala Segretaru Parlamentari għad-Drittijiet tan-Nisa u eventwalment fl-2013 serviet bħala ministru Laburista fil-Gvern ta’ Joseph Muscat. Helna Dalli kienet ukoll waħda mill-persuni li imbotta Gvern Laburista għall-President ta’ Malta fl-2024.
Filwaqt li biex jiġi appuntat President hemm bżonn qbil bejn żewġ terzi tal-Membri tal-Parlament, dan mhux neċċessarju biex jiġi appuntat Aġent President.
Il-Partit Nazzjonalista ma kienx ikkonsultat f’din id-deċiżjoni.