Futbol Sport

Hibernians jirritornaw fl-Ewropa kontra avversarji diffiċli u ta’ esperjenza

Kontra FC Spartak Trnava, il-kowċ ta' Hibernians, Branko Nisevic se jkun qed jgħodd il-15-il logħba tiegħu bħala kowċ ta' klabb f'kompetizzjoni tal-UEFA.
Kontra FC Spartak Trnava, il-kowċ ta' Hibernians, Branko Nisevic se jkun qed jgħodd il-15-il logħba tiegħu bħala kowċ ta' klabb f'kompetizzjoni tal-UEFA.

Għada, fis-6pm, il-Pawlisti jilagħbu l-ewwel leg mit-tieni rawnd tal-UEFA Conference League kontra l-qawwa ta’ FC Spartak Trnava tas-Slovakkja, f’Tony Bezzina Stadium

Wara li lbieraħ, it-Tlieta, Ħamrun Spartans u Floriana ġarrbu telfiet fit-tieni rawnd ta’ żewġ kompetizzjonijiet differenti tal-UEFA, għada l-Ħamis jidħlu fl-azzjoni u se jkunu qed jiddebuttaw fl-Ewropa għal dan l-istaġun, Hibernians; ir-rebbieħa tal-Meridianbet FA Trophy fl-aħħar tal-istaġun li għadda.

Għada, fis-6pm, f’Tony Bezzina Stadium, f’Kordin, Hibernians se jkunu qed jirritornaw jilagħbu fl-Ewropa wara li fl-aħħar żewġ staġuni kienu assenti. L-avversarji tagħhom se jkunu FC Spartak Trnava tas-Slovakkja.

Dawn tal-aħħar ġew eliminati fl-ewwel rawnd tal-UEFA Ewropa League minn BK Häcken tal-Iżvezja, biex b’hekk l-esperjenza tas-Slovakki fl-Ewropa issa tkompli fit-tielet l-aktar kompetizzjoni prestiġjuża fl-Ewropa, fuq livell ta’ klabbs, il-UEFA Conference League.

FC Spartak Trnava sfaw eliminati mill-Ewropa League bl-aktar mod drammatiku, meta fuq żewġ partiti tilfu b’aggregate ta’ 3-2, bl-avversarji Żvediżi li lagħbu kontra tagħhom ġimgħa ilu salvaw draw ta’ 2-2 fis-96 minuta. Dakinhar, il-logħba dehret li kienet sejra għall-ħin barrani sabiex ikun deċiż min kien se javvanza għat-tieni rawnd tal-Ewropa League, madankollu gowl ta’ John Paul Dembe poġġa lil BK Häcken fit-tieni rawnd tal-Ewropa League, filwaqt li s-Slovakki, għaddew għall-Conference League.

Hibernians qabżu l-ewwel rawnd ta’ din il-kompetizzjoni, l-istess kif kienu għamlu żewġ staġuni ilu r-rebbieħa tal-FA Trophy fl-istaġun 2023/24, Sliema Wanderers, u b’hekk il-Pawlisti ġiethom tajba li qabżu l-ewwel rawnd tal-Conference League mingħajr ma lagħbu.

M’hemmx dubju li l-avversarji li se jilagħbu kontra tagħhom għada, FC Spartak Trnava se jkunu għadma iebsa għall-iskwadra mmexxija mill-kowċ Branko Nisevic. Ironikament ukoll, Hibernians u FC Spartak Trnava, lagħbu kemm-il darba kontra xulxin f’dawn il-kompetizzjonijiet tal-UEFA, u l-istorja dejjem rat lill-Maltin joħorġu telliefa.

Storikament din hija r-raba’ darba li Hibernians ġew biex jilagħbu kontra dan it-tim Slovakk f’waħda mid-diversi kompetizzjonijet Ewropej.

L-ewwel darba li FC Spartak Trnava lagħbu kontra Hibernians kien fl-1969, fit-Tazza taċ-Champions. Dakinhar, bħala champions taċ-Ċekoslovakkja, FC Spartak Trnava kienu għelbu lil Hibernians b’aggregate ta’ 6-2, bil-partita li kienet intlagħbet f’Malta kienet intemmet 2-2. Min jiftakar dak il-konfront partikolari, jirrakonta kemm din kienet partita sabiħa, b’wirja pożittiva minn Hibernians.

Hibernians u FC Spartak Trnava reġgħu lagħbu kontra xulxin, fl-istaġun 2014/15. Dakinhar, iż-żewġ timijiet lagħbu fl-ewwel rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Ewropa League u t-tim Slovakk kien rebaħ b’aggregate kbir ta’ 9-2.

Fl-istaġun 2016/17 id-destin ried li dawn iż-żewġ klabbs jerġgħu jilagħbu kontra xulxin fl-Ewropa. Dakinhar kienet it-tielet darba li l-polza laqgħet fl-istorja lil Hibernians u FC Spartak Trnava kontra xulxin. Il-polza f’dak l-istaġun fissret li dawn iż-żewġ klabbs kienu se jilagħbu għat-tieni darba kontra xulxin fit-tieni l-aktar kompetizzjoni prestiġjuża fuq livell ta’ klabbs fl-Ewropa, il-UEFA Ewropa League.

Dakinhar, iġifieri disa’ snin ilu, fl-ewwel rawnd ta’ kwalifikazzjoni ta’ din il-kompetizzjoni, FC Spartak Trnava kienu rebħu 6-0 fuq żewġ partiti biex għal darb’oħra eliminaw lill-Maltin u kienu huma li avvanzaw għar-rawnd li jmiss.

B’hekk, sal-lum kellna sitt partiti uffiċjali bejn Hibernians u FC Spartak Trnava, bl-istorja tal-konfronti preċidenti bejn dawn it-tnejn dejjem uriet dominanza assoluta mis-Slovakki. Iżda kien hemm partita epika, li żgur hemm anzjani u partitarji ta’ Hibernians li sal-lum għadhom jiftakru, meta 56 sena ilu, f’pajjiżna stess, Hibernians kienu żammew lil FC Spartak Trnava fi draw ta’ 2-2, anke jekk f’dak l-istaġun, kienu l-avversarji tal-Maltin li avvanzaw għar-rawnd li jmiss, tat-Tazza taċ-Champions, li llum hija magħrufa bħala l-UEFA Champions League.

Għall-partita ta’ għada, Hibernians huma l-underdogs, u sintendi m’għandhom xejn x’jitilfu. It-tragward Ewropew milħuq mit-tim minn Raħal Ġdid, grazzi għar-rebħ tal-FA Trophy, diġà jista’ jitqis bħala bonus. Dan il-fatt jaf inaqqas il-pressjoni minn fuq il-Maltin.

Matul il-kampanja akkwisti għal dan is-sajf, Hibernians wettqu xi bidliet u ħadmu biex isaħħu l-iskwadra filwaqt li tilfu xi elementi li kienu meqjusa bħala importanti fit-tim.

It-tluq tad-difensur ċentrali internazzjonali Malti, Kurt Shaw jista’ jitqies bħala l-akbar telfa għal Hibernians. Però, kien hemm uċuħ oħra li m’għadhomx aktar parti minn dan it-tim. Fost dawn hemm l-iskorer prolifiku Federico Falcone li ħa d-deċiżjoni li jirtira.

Telfa oħra, li hi meqjusa bħala waħda sinifikanti għal Hibernians, kienet dik tal-midfielder difensiv Brażiljan, Khevin Fraga li għażel li jmur jilgħab fl-ogħla diviżjoni tal-Vjetnam.

Lil hinn mit-tluq ta’ plejes, l-istaff tekniku ta’ Hibernians, flimkien mat-tim manager tal-iskwadra, Jesmond Abela, tul dan is-sajf ħadmu fuq akkwisti ta’ plejers ġodda, primarjament dawk ta’ plejers barranin.

Sal-lum stess, il-Pawlisti ħabbru l-akkiwst tal-left back Malti li għandu 29 sena, Duane Bonnici mingħand Marsaxlokk. L-akkwist ta’ Bonnici kien is-sitt wieħed li s’issa għamlu Hibernians f’din il-kampanja akkwisti. Il-ħames plejers l-oħra huma kollha plejers barranin.

Fost dawn jispikka l-isem tal-gowlkiper Rumen, eks Juventus fl-Italja, Laurențiu Brănescu li għandu 31 sena. L-erba’ plejers l-oħra li ffirmaw ma’ Hibernians dan is-sajf huma kollha Brażiljani.

Fid-difiża, fir-rwol ċentrali, Hibernians akkwistaw lil Charleston. Dan mistenni jieħu post Shaw, bil-Brażiljan hu plejer ta’ statura u għandu 28 sena.

Fir-rwol ta’ midfielder difensiv, l-għażla Pawlista waqgħet fuq il-plejer ta’ 25 sena bl-isem ta’ Pedro Cacho. Iż-żewġ plejers l-oħra huma tnejn li jilagħbu fi rwol simili għal dak ta’ xulxin,

Dawn huma Pablo Alves, li għandu 26 sena u jilgħab fuq ix-xellug. Pablo Alves kapaċi jilgħab fi rwol offensiv, inkluż fil-pożizzjoni ta’ midfielder avvanzat, wara l-attakkant.

L-isem l-ieħor hu dak ta’ Cleiton, li għandu 29 sena u għalkemm hu winger fuq ix-xellug, kapaċi jilgħab ukoll fuq il-lemin u fi rwol offensiv.

B’dawn l-akkwisti l-ġodda, flimkien mal-elementi ta’ plejers li diġà kienu hemm f’dan it-tim ta’ Nisevic, inkluż plejers internazzjonali Maltin bħal fil-każ ta’ Bjorn Kristensen u Jurgen Degabriele fost l-oħrajn, wieħed jistenna b’ħerqa x’saħħa se jkollhom Hibernians dan l-istaġun u l-partita ta’ għada kontra FC Spartak Trnava hija l-ewwel test biex naraw dan.