Darren Carabott, PN
Id-Deputat Nazzjoalista Darren Carabott qal fil-Parlament li l-Gvern għandu jiggarantixxi li l-bejgħ tal-passporti spiċċa.
Fid-dibattitu parlamentari dwar l-Abozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar iċ-Ċittadinanza, id-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott tkellem fuq l-importanza taċ-ċittadinanza u qal li l-poplu Malti għandu jżomm il-privileġġ li hu Malti billi r-reputazzjoni tkun salvagwardjata. Hu qal li l-PN dejjem qal li l-pajjiż qatt ma kellu jasal s’hawn kemm għal isem Malta kif ukoll għall-investiment li jersaq lejn il-pajjiż.
Ir-rabta ġenwina hi element importanti ħafna f’dan il-proċess, sostna Darren Carabott, li kompla li hu importanti li l-identità Maltija m’għandux ikollha prezz finanzjarju.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-PN baqa’ konsistenzi sa minn meta l-Gvern Laburista daħħal din l-iskema u żied li l-Programm ta’ Investiment issa qed jitħassar mill-Gvern. Il-PN qed jirrikonoxxi li din hi d-direzzjoni li l-pajjiż għandu bżonn jieħu.
Darren Carabott kompla li għandu jkun hemm il-konfort li dak li qed jippreżenta l-gvern illum jirrifletti d-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea. Dwar it-trasparenza, Darren Carabott qal li l-poplu għandu jkollu s-serħan tal-moħħ li min qed isir Malti hu ta’ valur addizzjonali għall-ġid tal-pajjiż.
Darren Carabott qal li kien hemm nuqqas ta’ trasparenza dwar il-persuni li kienu qed isiru Maltin. Il-gvern għandu l-obbligu li jippubblika l-ismijiet tal-persuni li qed isiru Maltin.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-PN qed jinsisti li għandha tkun il-President ta’ Malta li tagħti ċ-ċittadinanza wara li din tmur kabinet. Hu qal li l-Gvern baqa’ jwebbes rasu u fil-passat ma ħax il-pariri tal-Opożizzjoni tant li tressaq quddiem il-Qorti Ewropea.
//= $special ?>