‘Il fuq minn 100 aġenzija tal-għajnuna wissew li l-poplu ta’ Gaza qed jegħreq dejjem aktar ‘fil-morsa tal-ġuh’ u fost l-akkużi li Iżrael qed jisfrutta s-sitwazzjoni bħala ‘strument tal-gwerra’, wara xhur ta’ ostilitajiet mat-terroristi tal-Ħamas.
L-Iżraeljani huma akkużati b’li mhumiex jippermettu ‘apposta’ d-distribuzzjoni tal-ikel lill-Palestinjani f’Gaza. Dan meta żdiedu r-rapporti dwar ‘il-mejtin ġodda (f’Gaza) mill-effetti tal-ġuh li huma riżultat ta’ assedju bla ħniena’.
It-Tmexxija Iżraeljana, li tikkontrolla l-aċċessi kollha għal Gaza, qalet li, fil-preżent, hemm il-mijiet tat-trakkijiet bl-għajnuna weqfin fl-artijiet ta’ Gaza. Ingħad ukoll li jonqos biss biex ‘l-organizzazzjonijiet internazzjonali jibdew it-tqassim tal-ikel mit-trakkijiet inkella miċ-ċentri għall-inizjattivi ta’ fejda’.
Madankollu, l-għajnuna mhix qed tasal lin-nies ta’ Gaza, bl-Iżraeljani jkomplu bl-offensiva– mill-art u mill-ajru – fuq Deir al-Balah u bnadi oħrajn ta’ Gaza.
Fl-aħħar sigħat, David Mencer, kelliem għall-Gvern Iżraeljan, kien qed iwieġeb dwar l-istqarrija tal-aġenziji għall-għajnuna rigward l-emerġenza tal-ġuh f’Gaza – u fost is-sejħiet għal waqfen mill-ġlied fit-territorju.
Mencer qal li l-problemi tal-ġuh f’Gaza ilhom konsistenti sa mill-bidu tal-konflitt, f’Ottubru tal-2023, waqt li rrefera wkoll dwar ‘it-twissijiet qarrieqa’. Hu enfasizza li ‘il-ġuh li hemm bħalissa f’Gaza hu kollu orkestrat mill-Ħamas bħala tattika biex it-terroristi jwettqu l-pressjoni fuq Iżrael.’
Iżrael, fl-istess ħin, qed jiċħad li kkaġuna sitwazzjoni ta’ ġuh massiċċa, bil-Gvern jisħaq li l-għajnuna qed tasal lill-Palestinjanni permezz tal-Gaza Humanitarian Foundation, kif ukoll bil-kunsinni ta’ materja prima li l-movimenti tagħhom qed ikunu koordinati mill-entitajiet tan-Nazzjonijiet Uniti.
L-Iżraeljani spjegaw li –kuntrarju għal xi rapporti — eluf ta’ trakkijiet daħlu f’Gaza fl-aħħar ftit ġimgħat u fejn wasslu l-kunsinni tal-ikel, tqiq u ikel tat-trabi.
Fl-istess ħin, David Mencer enfasizza li l-Ħamas qed jipprova jtellef id-distribuzzjoni tal-ikel, bit-terroristi anki jisirqu l-għajnuna mit-trakkijiet li qed jaqsmu għal arthom mill-fruntieri ta’ Gaza.
Mercer, imbagħad, akkuża lin-Nazzjonijiet Uniti bħala ‘ostaklu ewlieni għall-movimenti akbar u kontinwi tal-għajnuna lejn il-Medda ta’ Gaza.’
Jistennew dwar il-proposta
David Mencer tkellem ukoll dwar in-negozjati ta’ Iżrael mal-Ħamas rigward waqfien mill-ġlied potenzjali u fejn insista li t-terroristi Palestinjani mhumiex lesti biex juru flessibbiltà dwar numru ta’ kundizzjonijiet.
Ir-Rappreżentanti ta’ Iżrael li qed jinnegozjaw dwar il-possibbiltà ta’ waqfien mill-ġlied, fl-aħħar sigħat, kienu għadhom fil-Qatar għal aktar taħditiet – bir-rapporti jtennu li Iżrael ‘kien qed jistenna t-tweġiba uffiċjali mill-Ħamas’.
L-indikazzjonijiet, intant, huma li l-Iżraeljani qablu mal-proposta mressqa mill-Qatar bħala wieħed mill-medjaturi fil-kriżi ta’ Gaza – u bil-Ħamas iżomm lura milli jiffissa l-pożizzjoni tiegħu fiċ-ċirkustanzi.
Id-domanda ewlenija ta’ Iżrael hi biex il-Ħamas jeħles lill-aħħar ostaġġi li ilu jżomm għal kważi sentejn u meta mifhum li għad fadal mal-50 priġunier Iżraeljan f’Gaza. Mhux eskluż, intant, li numru minn dawn l-Iżraeljani laħqu mietu f’dan l-istat ta’ priġunerija.
//= $special ?>