Il-kunsillieri lokali tal-Partit Nazzjonalista f’Santa Venera – għalkemm f’minoranza – irnexxielhom jagħmlu d-differenza bl-appoġġ sħiħ tar-residenti fuq kwistjoni li nqalgħet fl-aħħar jiem u li wasslet biex is-Sindku Laburista jkun kostrett jagħmel U-turn u jirtira deċiżjoni li ħa waħdu dwar Ġnien Romeo Romano.
Il-Partit Nazzjonalista jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu li permezz tal-kunsillieri tiegħu fil-Kunsill Lokali ta’ Santa Venera għamel differenza għall-ġid tar-residenti u l-kwalità tal-ħajja f’Santa Venera. Dan wara li s-Sindku Laburista ħa deċiżjoni waħdu mingħajr konsultazzjoni la mal-kunsillieri Nazzjonalisti u lanqas ma’ sħabu stess, il-kunsillieri tal-Partit Laburista.
Fost dawn hemm id-deċiżjoni tas-Sindku li jwaħħal tabella dwar il-preżenza tal-klieb fi Ġnien Romeo Romano mingħajr ma saret l-ebda forma ta’ konsultazzjoni mal-kunsillieri l-oħra. Din l-azzjoni – li ttieħdet mingħajr ftehim jew diskussjoni – ma tirriflettix il-valuri ta’ tmexxija inklużiva u bbażata fuq il-fiduċja bejn il-membri tal-kunsill lokali.
Din il-kwistjoni ħolqot kontroversja bla bżonn – fil-ġimgħa tal-festa ta’ Santa Venera – u wasslet biex diversi residenti li huma sidien ta’ klieb jappellaw lill-kunsill lokali Laburista biex jirtira d-deċiżjoni. Tant li ftit wara, is-Sindku Laburista kellu jagħmel U-turn u jneħħi t-tabella li waħħal wara jumejn.
Il-Minority Leader u Kunsillier Lokali tal-PN f’Santa Venera Karl Carabott u l-Kunsilliera Lokali tal-PN f’Santa Venera Joseph Vella u Roberta Adriana Sultana, fi stqarrija qalu fwar dan, li l-kunsillieri tal-PN f’Santa Venera talbu spjegazzjoni ċara dwar dak li ġara permezz ta’ email uffiċjali mibgħuta lis-Sindku, li però għadha sa issa ma ġietx imwieġba.
Barra minn hekk, il-kunsillieri tal-PN jinnutaw ukoll il-filmat imtella’ mis-Sindku fuq il-midja soċjali li jagħti stampa mhux preċiża u qarrieqa ta’ dak li ġie diskuss waqt laqgħa tal-kunsill lokali. Waqt din il-laqgħa, id-diskussjoni kienet dwar bandli li jinsab fiz-zona tal-Palazz l-Aħmar – kif huwa dokumentat b’mod ċar mill-minuti uffiċjali tal-laqgħa – u mhux dwar Ġnien Romeo Romano. Il-kunsill qabel b’mod unanimu li klieb ma għandhomx ikunu permessi fil-bandli minħabba raġunijiet ta’ sigurtà, saħħa u iġjene, speċjalment għat-tfal tal-lokalità.
Ġnien Romeo Romano fl-ebda ħin ma kien parti minn din id-diskussjoni u l-kunsillieri Nazzjonalisti ta’ Santa Venera jagħmluha ċara li qatt ma saret xi diskussjoni dwar l-esklużjoni tal-klieb mill-ġonna pubbliċi. Il-pożizzjoni dwar dan dejjem dejjem kienet – u tibqa’ – favur ambjent miftuħ u inklużiv, fejn kemm tfal kif ukoll sidien tal-klieb jistgħu jgawdu spazji pubbliċi b’rispett u bilanċ.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen f’kunsilli lokali li jisimgħu lin-nies, b’kunsillieri li jaħdmu flimkien u jagħtu prijorità lill-ġid komuni, mhux lill-interessi ta’ individwu wieħed. Iċ-ċittadini jistennew mill-kunsillieri lokali tmexxija b’viżjoni u l-kunsillieri tal-PN f’kull lokalità madwar Malta u Għawdex jimpenjaw ruħhom li jwettqu dan l-impenn lejn ir-residenti.
Il-kunsillieri tal-PN f’Santa Venera jappellaw għal aktar djalogu, aktar trasparenza u aktar rispett lejn il-minoranza fi ħdan il-kunsill u jfakkru li huma wkoll jirrappreżentaw lir-residenti ta’ Santa Venera. Jappellaw ukoll biex il-kunsillieri lokali jservu tassew bħala strument ta’ għaqda u mhux ta’ firda. Kull kunsillier għandu jaħdem għal għan wieħed – il-ġid tal-komunità li jifforma parti minnha.
//= $special ?>