Wara l-inċident ta’ Diċembru li għadda, l-uffiċjal tal-Pulizija Chris Bonello qed ikompli jirkupra sew. Tant li issa għaddej bit-tħejjijiet sabiex f’Settembru jdoqq mal-banda tal-Madonna tal-Grazzja, f’Ħaż-Żabbar.
Fil-fatt, din il-ġimgħa, il-Banda tal-Grazzja bdiet bil-provi tagħha għall-kunċert tal-festa. “B’ferħa reġa’ ngħaqad lura mal-banda Chris Bonello li ħa jkun qed idoqq flimkien ma’ sħabu f’dal-kunċert”, kitbet is-Soċjetà fuq il-media soċjali.
Chris minn naħa tiegħu rringrazzja lill-Banda tal-Grazzja, lill-kumitat kif ukoll lill-Kummissjonijiet kollha għall-merħba sabiħa li tawh.
“Wara l-kunċert, kont emozzjonat u grat ħafna għas-sorpriża li saret, xi ħaġa li ma kontx qed nistenna”, kiteb Chris wara li sħabu għamlulu kejk tal-okkażjoni.
“Grazzi lil kull min ħa sehem f’dan il-mument speċjali. Inħossni onorat li erġajt ngħaqadt magħkom u li qed nkompli ndoqq ma’ sħabi fil-Banda tal-Grazzja”.
Bonello kien weġġa’ wara li ntlaqat minn vettura waqt li kien qed isewwi tyre ta’ karozza. U għamel perijodu twil fl-ITU.
Iżda grazzi għall-kura tat-tobba u għad-determinazzjoni tiegħu, kien irnexxielu jirkupra sew minn dan l-inċident ikrah.
//= $special ?>