Il-problemi ta’ saħħa mentali f’Malta qed jikbru b’mod inkwetanti. Statistika uffiċjali turi li fl-2024, kien hemm 2,200 persuna li daħlu l-Isptar Mater Dei jew Monte Karmeli mill-Emerġenza bi problemi ta’ saħħa mentali. Dan ifisser li bħala medja aktar minn sitt persuni qegħdin ifittxu servizzi ta’ saħħa mentali kuljum. Dan filwaqt li 25% tal-popolazzjoni f’pajjiżna tbati minn xi kundizzjoni ta’ saħħa mentali.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar l-istat tal-kura tas-saħħa mentali f’Malta, ix-Shadow Minister għall-Kura Primarja u s-Saħħa Mentali Ian Vassallo, ix-Shadow Minister għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Graziella Galea u x-Shadow Minister għall-Familji u s-Sigurtà Soċjali Albert Buttigieg; qalu li minkejja dan, il-Gvern jibqa’ juri nuqqas ta’ prijorità u ton ta’ indifferenza lejn din il-kriżi li qed taffettwa lil eluf ta’ Maltin u Għawdxin.
Din l-indifferenza tal-Gvern tikxef il-qerq ta’ min quddiem il-cameras jgħid ħafna affarijiet sbieħ, imma bil-fatti ma jagħmel xejn.
Il-Partit Laburista wiegħed ħafna fil-manifest elettorali tiegħu, imma l-wegħdiet li għamel dwar il-kura tas-saħħa mentali baqgħu fuq il-manifest: fl-2013 wiegħed faċilitajiet ġodda, kif reġa’ għamel fl-2017 u fl-2022. Imma sal-lum, il-kura tas-saħħa mentali baqgħet fuq l-ixkaffa.
Seba’ snin ilu wiegħdu sptar ġdid tas-saħħa mentali qrib Mater Dei. Din is-sena qalulna li m’hemmx bżonnu u minflok se jinbnew ftit wards f’Mater Dei. Din il-ġimgħa rajna li anke dawn ġejjin biċ-ċajt. F’Mejju tas-sena l-oħra ħabbru li se jagħlqu Monte Karmeli, imbagħad qalu li se jżommuh, biex ftit ilu l-Ministru għas-Saħħa qalilna li pazjenti li ma jogħġobhomx dan l-isptar jistgħu jmorru d-dar xħin iridu.
Il-Gvern mhux biss naqas milli jwettaq il-proġetti mwiegħda, imma qed juri li la għandu stampa ċara tal-problema u lanqas għandu r-rieda politika li jifhem x’inhi s-sitwazzjoni. Sal-lum il-Gvern għadu ma rnexxilux jipprovdi informazzjoni bażika dwar kemm għandna żgħażagħ taħt il-30 sena li qed ifittxu l-għajnuna.
It-traġedji li qed ikollna f’pajjiżna frott ta’ problemi ta’ saħħa mentali nistgħu nnaqqsuhom biss jekk ikollna servizz ta’ kura effiċjenti u denju ta’ pajjiż Ewropew fl-2025.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li s-saħħa mentali għandha tingħata l-istess importanza daqs is-saħħa fiżika. Dan għaliex il-kundizzjonijiet mentali jolqtu lil kulħadd – b’mod partikolari lill-persuni b’diżabbiltà u persuni f’minoranzi li spiss ikollhom sfidi doppji u jiġu emarġinati aktar. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ servizzi adattati qed ikomplu jagħmluha aktar diffiċli għal min għandu d-diffikultajiet.
Il-pjaga tas-suwiċidju hi waħda li qed tikber fis-soċjetà tagħna. Statistika uffiċjali turi li fl-2024 f’Malta kellna 28 każ ta’ suwiċidju – 25 minnhom irġiel. Is-sena ta’ qabel kellna 27 persuna li temmew ħajjithom u 126 persuna oħra li ppruvaw jagħmlu suwiċidju. Dan huwa riflessjoni ta’ kriżi profonda li ssejjaħ għal pjan nazzjonali ta’ prevenzjoni u azzjoni llum qabel għada.
Il-Partit Nazzjonalista jtenni l-impenn tiegħu li jġib riforma sħiħa u serja fis-saħħa mentali, inkluż:
- Investiment fi sptar ġdid u modern
- Riżorsi umani speċjalizzati u taħriġ aġġornat
- Servizzi aċċessibbli u inklużivi għal kulħadd
- Appoġġ strutturat għall-familji u caregivers
- Kampanji edukattivi kontra l-istigma
- Task Force nazzjonali għall-prevenzjoni tas-suwiċidju
Il-PN jemmen f’soċjetà li tisma’, li tifhem u li tipprovdi s-servizzi biex kulħadd ikollu ħajja ta’ kwalità, mhux f’soċjetà li tinjora u twarrab lill-persuna. Is-saħħa mentali hi dritt bażiku, u min imexxi għandu l-obbligu li s-saħħa mentali ta’ kull wieħed u waħda minnha tkun imħarsa permezz ta’ servizzi li huma xierqa għall-ġurnata tal-lum.