Internazzjonali

L-Ukrajna: Liġi kontroversjali toħloq id-diżgwid rari mal-UE

Il-President tal-Kummissjoni, Ewropea, Ursula von der Leyen, insistiet biex il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, jagħti spjegazzjonijiet ċari dwar liġi ġdida, f’pajjiżu, li għandha ddgħajjef lill-aġenziji lokali għal kontra l-korruzzjoni.

L-aġenziji huma l-Bureau Nazzjonali Ukren li jindirizza każi tal-korruzzjoni u l-Uffiċċju Speċjali tal-Prosekutur għal kontra dawn it-tipi ta’ reati.

Skont il-leġislazzjoni approvata mill-Parlament Ukren u ffirmata minn Zelensky innifsu, dawn iż-żewġ aġenziji, issa, qed spiċċaw taħt il-kmand dirett tal-Prosekutur Ġenerali Ukren li jingħażel fuq bażi politika.

L-intervent dirett tal-Kummissjoni Ewropea, fl-istess ħin, jirrappreżenta eskalazzjoni ta’ tensjoni mhix mistennija bejn Brussell u l-Gvern ta’ Zelensky.

Fil-fatt, din hi l-ewwel darba, mill-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet tar-Russja, li l-Eżekuttiv tal-Unjoni Ewropea  esprima kritika daqshekk espliċita kontra l-Gvern fi Kiev.

Il-Prosekutur Ġenerali Ukren, intant, se jkollu mandat biex jagħżel il-każi li, għalissa, qegħdin jieħdu ħsiebhom l-aġenziji inkwistjoni u fejn għandu wkoll il-kapaċità biex jittrasferixxi l-każi quddiem entitajiet oħrajn tal-Istat.

Il-kritiċi qed jgħidu li f’din is-sitwazzjoni, il-Gvern, flimkien mal-entitajiet l-oħra influwenti tal-Ukrajna, se jkunu jistgħu jimmanipulaw jew ‘ibiddlu d-direzzjoni ta’ ċerti investigazzjonijiet’ – speċjalment l-investigazzjonijiet ta’ profil għoli.

Min-naħa tagħha, Ursula von der Leyen esprimiet tħassib dwar il-konsegwenzi tal-emendi konfermati minn Zelensky u l-Gvern u meta trid li l-Ukrajna ‘tagħmel l-affarijiet aktar ċari’.

Von der Leyen enfasizzat li r-rispett għall-amministrazzjoni tal-liġi u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni huma elementi kruċjali ħafma li jiffurmaw il-bażi tal-Unjoni Ewropea.

Hi saħqet ukoll li l-Ukrajna, bħala pajjiż kandidat għal sħubija fl-UE, għandha d-dmir biex tiddefendi u tirrispetta dawn il-kriterji mingħajr ma tippermetti għall-forom ta’ kompromessi li jtellfu minn dan l-impenn.