Il-proċess kriminali kontra t-Taljan Damiano Nicastro, ta’ 35 sena, residenti ż-Żurrieq – akkużat bi traffikar ta’ nisa għall-isfruttament sesswali, vjolenza u koerċizzjoni biex iġagħalhom jipprostitwixxu ruħhom –kompla quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, b’xhud kruċjali minn waħda mill-allegati vittmi, li hija waħda minn tliet nisa Kolombjani msemmija fil-kawża.
Fil-Qorti, din xehdet kif wara li ġiet Malta flimkien ma’ oħtha u zija tagħha fi Frar tas-sena l-oħra, taħt il-premessa li kienu se jaħdmu bħala “escort girls” (forma ta’ prostituzzjoni), is-sitwazzjoni nbidlet għal waħda ta’ sfruttament u biża’. Xhieda simili għal tfajla oħra li xedhet il-ġimgħa l-oħra li qalet li għaddiet mill-istess martirju.
Hija rrakkuntat kif wara li ġew f’Malta u ltaqgħu ma’ Nicastro, l-ewwel kien jiggwidahom u jieħu ħsiebhom, iżda maż-żmien l-affarijiet bdew jinbidlu. Nicastro flimkien ma’ raġel identifikat biss bħala “Paolo”, talbuhom il-passaporti, u dawn qalulhom li dan kien meħtieġ biex japplikaw għal permess tax-xogħol.
Ladarba ċedew il-passaporti tagħhom, bdew jiġu mheddija li jekk ma jħallsux €10,000, ma kinux se jeħduhom lura. Hi qalet li wara li naqsu milli jkopru l-ispejjeż tal-vjaġġ, ingħadilha ċar u tond li l-uniku mod kif setgħu jħallsu lura d-dejn kien permezz ta’ atti sesswali.
“Kull darba li Paolo kien jiġi, kien jitlob favuri sesswali bħala ħlas għad-dejn”, qalet ix-xhud. Qalet ukoll li kellha rapport sesswali miegħu tlieta jew erba’ darbiet, biex tnaqqas mid-dejn tagħhom kollha. Filwaqt li l-arranġament inizjali kien li zija u l-vittma l-oħra li xehded il-ġimgħa l-oħra (tnejn minn tliet nisa allegati vittmi) bdew jagħtu parti mill-qligħ tagħhom lill-iżgħar tfajla fosthom li mbagħad kienet tgħaddih, il-flus, lil Nicastro u Paolo.
Id-dinamika bdiet tidher bħala sistema ta’ kontroll u sfruttament. Il-vittmi qed jikkontendu wkoll li f’din il-fażi, it-theddid beda jiżdied u kienu kostretti jagħtu flus kontanti lil Nicastro, iżda kienu kapaċi jagħtuh biss parti mis-somma mitluba.
Kien hawnhekk li x-xhud bdiet tirrakkonta kif Paolo bagħat messaġġ ta’ theddida, u qalilhom li jekk ma jħallsux kollox, kien se jsibhom u jagħmlilhom il-ħsara. Hawn huwa beda jiddikjara li r-rapporti sesswali magħha kienu se jgħoddu bħala ħlas għad-dejn tat-tlieta li huma.
Il-vittma rrimarkat ukoll li Paolo talab favuri sesswali biss mingħandha, u mhux mill-oħrajn. Iżda għalkemm kienet hi li sofriet direttament l-abbuż sesswali, kienet qed tagħmel dan għall-ħlas ta’ tliet persuni.
Is-sitwazzjoni kkomplikat ruħha aktar hekk kif it-tliet nisa bdew iħossuhom mhux siguri għal ħajjithom, ma kellhomx aktar flus, u ddeċidew li jmorru għand il-Pulizija. Fil-każ, Nicastro qed iwieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Il-prosekuzzjoni qiegħda tiġi mmexxija mill-Prosekutur l-Avukat Valentina Cassar f’isem l-Avukat Ġenerali, filwaqt li l-avukat Nicholas Mifsud qed jidher għall-akkużat. Il-vittmi qed ikunu rappreżentati mill-avukati Lara Dimitrijevic u Stephanie Caruana.
Il-kawża mistennija tkompli fil-futur qarib, hekk kif il-Qorti se tisma’ aktar xiehda dwar l-allegat traffikar, sfruttament u intimidazzjoni li sofrew dawn in-nisa.
//= $special ?>