Lokali

Mhux aċċettabbli li dawk responsabbli mill-impunità li wasslet għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia jkunu President jew Aġent President – PN

Il-Prim Ministru jikkonsulta mal-Kap tal-Oppożizzjoni biss wara li jkun informa lill-midja bl-għażla tiegħu

Il-Partit Nazzjonalista jtenni l-pożizzjoni tiegħu li mhux aċċettabbli għalih li xi ħadd minn dawk li l-Inkjesta Pubblika maħtura mill-Gvern stess sabitu responsabbli tal-klima ta’ impunità li wasslet għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, jokkupa l-kariga ta’ President jew Aġent President ta’ Malta.

Dan kien il-prinċipju li daħal bih għad-diskussjoni l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech meta s-sena li għaddiet kien hemm ftehim dwar il-ħatra tal-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono bħala President ta’ Malta. U l-istess prinċipju jgħodd ukoll għar-rwol ta’ Aġent President.

Apparti minn hekk, dakinhar li nħatret President Myriam Spiteri Debono, kien hemm il-qbil li l-Aġent President ikun xi ħadd nominat mill-Oppożizzjoni u fil-fatt kien inħatar f’din il-kariga Francis Zammit Dimech.

Agħar minn hekk, l-ittra mill-Prim Ministru lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex “jikkonsulta” miegħu dwar din il-ħatra waslet wara li l-midja kienet diġà infurmata dwar l-għazla tal-Prim Ministru fuq il-ħatra ta’ Helena Dalli bħala Aġent President.

Il-Presidenza għandha tgħaqqad u mhux tifred pajjiż. Għalhekk, bħalma kien hemm qbil dwar il-President, għandu jinstab kunsens anke fuq l-Aġent President billi jinżamm il-ftehim li hemm bejn il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni u biex fl-istess ħin tinstab persuna li tgħaqqad lill-pajjiż.