Opinjoni

OPINJONI: Grazzi Sur Vic!

Il-viżjoni, il-passjoni u l-wirt ta’ wieħed mill-iktar Presidenti maħbubin ta’ Birkirkara FC

minn Justin Schembri
Shadow Minister
 għall-Edukazzjoni u s-Snajja’

Matul l-għodwa tal-bieraħ it-Tlieta 22 ta’ Lulju, Birkirkara tat tislima xierqa tassew lil Victor Zammit, isem li għal ħafna jqanqal nostalġija, rispett u gratitudni.

Zammit – il-bniedem assoċjat direttament mal-isbaħ żmien ta’ Birkirkara FC. Twieled u trabba fil-lokalità mimlija passjoni ta’ Birkirkara, fejn minn ċkunitu wera mħabba kbira mhux biss lejn il-futbol, imma wkoll lejn il-komunità li kibret miegħu, ħabbha u ħabbitu u se tibqa’ tħobbu lura. Għalkemm kellu involviment dirett fin-negozju, kienu l-kuluri tar-raħal, l-isfar u l-aħmar, li inkurunawh il-‘President’, titlu li jibqa’ jgħodd għalih għal dejjem.

Kif ħafna minn dawk li kienu jafuh jistgħu jixhdu, is-Sur Vic kien raġel b’viżjoni ċara u b’dedikazzjoni bla tarf. Mhux talli kien jara ’l bogħod, imma talli kien kapaċi jiġbor nies b’talent u b’ħila madwaru (biex b’hekk jutilizza t-tajjeb ta’ kulħadd) u joħloq tim magħqud u professjonali, kemm fil-grawnd kif ukoll fil-kurituri tal-klabb. Il-karattru kariżmatiku tiegħu, minkejja li bniedem aktarx riservat, kien wieħed li jispira fiduċja u motivazzjoni – kwalitajiet essenzjali fit-tmexxija, u dan ġab is-suċċessi li għalihom Birkirkara tibqa’ għal dejjem grata.

Presidenza li ġabet l-unuri

Fl-1998, Victor Zammit inħatar President ta’ Birkirkara FC, proprju fi żmien meta l-klabb kien għadu qiegħed jikkonsolida l-pożizzjoni tiegħu fil-futbol Malti. Birkirkara sa dak iż-żmien qajla kienet tinkwadra fid-dinja tal-futbol lokali, iżda taħt it-tmexxija tiegħu, dak li kien klabb b’aspirazzjonijiet fil-bogħod, sar forza dominanti tassew. Fi żmien 12-il sena mexxa lill-klabb għal kisbiet li sal-lum jibqgħu importanti fil-kronaka sportiva ta’ Malta, u li bħalhom ftit rajna matul dawn l-aħħar snin.

Wieħed mill-ikbar mumenti fl-istorja tal-klabb seħħ fl-istaġun 1999-2000, meta taħt il-presidenza ta’ Zammit, Birkirkara FC rebħu l-ewwel kampjonat Premier League – unur storiku li fetaħ kapitlu ġdid għal dan il-klabb. Dan kien biss il-bidu. Fiż-żmien li dam fil-kariga, il-klabb rebaħ żewġ kampjonati, erba’ FA Trophies u ħames Super Cups infila fost oħrajn, suċċessi li kabbru mhux biss il-prestiġju tal-klabb, imma wkoll il-kredibbiltà tiegħu f’livell nazzjonali u anke internazzjonali. Minn hemm ’il quddiem, it-tim Karkariż ma ħares qatt lura u llum hu meqjus bħala tim ewlieni lokalment.

Victor Zammit ma qagħadx lura lanqas meta kien iż-żmien biex iwassal lil Birkirkara FC fuq livell Ewropew. Il-parteċipazzjoni kontinwa tal-klabb f’kompetizzjonijiet tal-UEFA kienet turija oħra tal-viżjoni tiegħu – li jara lil raħlu jilgħab u jikkompeti kontra l-aqwa timijiet minn barra minn xtutna, biex hekk mhux biss itejjeb il-livell tiegħu imma wkoll jagħti isem lil Malta fuq il-mappa tal-futbol Ewropew.

L-istil ta’ tmexxija ta’ Victor Zammit kien meqjus bħala wieħed professjonali, organizzat u b’sens ta’ dixxiplina mingħajr wisq attenzjoni għall-media. Ħafna mill-plejers, kowċis u amministraturi li għaddew mill-klabb f’dawk is-snin jiftakruh bħala figura ta’ ispirazzjoni u gwida. Il-mod kif kien iħaddem is-sistema tal-klabb, kif kien iħeġġeġ l-iżvilupp tat-talent lokali u kif kien jipprijoritizza l-valuri tal-komunità, dejjem urew kemm kien bniedem viżjunarju.

It-tmiem li ma kienx

Fl-2009, Is-Sur Vic temm il-mandat tiegħu bħala President. Iżda dan ma kienx ifisser it-tmiem għall-influwenza tiegħu fuq il-klabb. Baqa’ jsegwi u jappoġġja l-klabb minn wara l-kwinti, u baqa’ figura ta’ ġieħ – bħalma deher ilbieraħ fl-aħħar tislima li ngħatatlu – fi ħdan l-istess komunità. Ħafna minn dawk li ġew warajh fit-tmexxija ammettew li kienu qed jibnu fuq il-pedamenti sodi li hu stess waqqaf – struttura organizzattiva, kultura ta’ rebħ, u rispett lejn il-futbol u dak kollu li jirrappreżenta.

Barra l-isport, Zammit kien ukoll magħruf bħala persuna ġenwina, b’qalb kbira u dejjem lesta tgħin lil min kien fil-bżonn. Il-kredibbiltà tiegħu ma kinetx biss marbuta ma’ dak li kien jagħmel, imma ma’ min kien – bniedem li kien jagħmel differenza mhux biss b’diskors imma wkoll b’azzjoni.

Fil-perjodu li Zammit kien President ta’ Birkirkara FC (1998-2009), il-futbol Malti kien karatterizzat minn rivalitajiet qawwija u intensi – forsi akbar minn tal-lum – li kienu jagħtu aktar togħma lill-kampjonat u jsaħħu l-passjoni tal-partitarji. Dawn ir-rivalitajiet kienu kemm fuq livell sportiv kif ukoll, f’xi każijiet, fuq livell ta’ prestiġju u supremazija bejn il-lokalitajiet.

Ċertament waħda mill-akbar rivalitajiet ta’ dan il-perjodu kienet bejn Birkirkara u l-Belt Valletta, rivalità intensa għall-aħħar. Meta Birkirkara bdiet tirbaħ l-unuri u tiġġieled għall-kampjonat, saret theddida reali għal Valletta li kienu ilhom numru ta’ snin jiddominaw ix-xena. Din ir-rivalità sportiva ma kinetx biss fuq il-grawnd, iżda wkoll fil-livell amministrattiv, fejn iż-żewġ klabbs kienu jimmiraw li jattiraw plejers ta’ livell għoli u jsaħħu l-istruttura tagħhom, u xi drabi anke jistinkaw biex jiffirmaw plejers li jkunu taħt ir-radar tagħhom it-tnejn.

Il-logħob bejn il-klabbs kienu mimlijin emozzjoni, u ġeneralment jattiraw folol ta’ eluf kbar li bħalhom rari rajna u sal-lum rari naraw. Il-logħob kien karatterizzat minn ħafna emozzjonijiet, passjoni u l-kontroversji ma naqsu qatt ukoll – biex dan il-perjodu jibqa’ mnaqqax bħala wieħed mill-isbaħ fil-futbol lokali.

Rivalitajiet li saħħew il-motivazzjoni

La darba qiegħed insemmi r-rivalitajiet, tajjeb li ngħid li għalkemm Birkirkara qatt ma kellha rival storiku minn lokalità waħda biss bħalma hu l-każ ta’ diversi oħra bħall-Belt u l-Ħamrun jew il-Furjana, Birkirkara kellha lil kull tim b’saħħtu bħala rivali tagħha. Dan jagħmel lil Birkirkara klabb importanti lokalment aktar minn kull tim ieħor. Huwa mifhum li Zammit kien japprofitta minn dawn ir-rivalitajiet biex jimmotiva lit-tim tiegħu u jiżdied il-prestiġju tal-klabb. Il-fatt li fi żmienu Birkirkara rnexxielha tirbaħ numru sabiħ ta’ titli u tpoġġi lilha nfisha fost l-aqwa, saħħaħ dawn ir-rivalitajiet.

Illum, Victor Zammit jibqa’ mfakkar b’rispett u gratitudni. Mhux biss għal dak li rnexxielu jikseb fil-grawnd, imma għall-imħabba profonda li wera lejn il-komunità ta’ Birkirkara. Il-wirt li ħalla warajh ma jistax jintesa, u għalhekk se jibqa’ jgħix għal dejjem. B’hekk għalhekk, Victor Zammit jibqa’ wieħed mill-figuri ewlenin fl-istorja ta’ Birkirkara FC – raġel li bid-determinazzjoni u l-viżjoni tiegħu, biddel il-futur ta’ klabb u kien bniedem ta’ eżempju tajjeb u xempju għal kulħadd.

Għal dan, Sur Vic, Birkirkara ssellimlek u tirringrazzjak.

Victor Zammit jibqa’ mfakkar b’rispett u gratitudni. Mhux biss għal dak li rnexxielu jikseb fil-grawnd, imma għall-imħabba profonda li wera lejn il-komunità ta’ Birkirkara.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 23 ta’ Lulju, 2025.