Ozzy Osbourne ma kienx sempliċiment leġġenda tal-mużika Rock iżda anki l-ispirazzjoni għal ħafna mill-akbar isimijiet ta’ dan il-ġeneru ta’ mużika….’Showman’ straordinarju u artist li rnexxielu jikkultiva stil ta’ mużika li xprunat l-immaġinazzjoni ta’ eluf ta’ mużiċisti żgħażagħ li xtaqu li jimxu fuq il-passi tiegħu.
Dawn is-sentimenti spikkaw fuq fomm l-akbar artisti tar-Rock u oħrajn sinonimi mal-mużika kontemporanja, bl-eloġi ma jonqsux għal Ozzy, il-frontman u personalità ewlenija tal-grupp BlackSabbath li miet fil-lejl tat-Tlieta fl-età ta’ 76 sena wara li kien ilu żmien isofri mill-marda Parkinson’s.
Osbourne kien, għadu u se jibqa’ magħruf bħala r-Re tal-Heavy Metal u meta d-dilettanti tal-mużika kienu jafuh ukoll bħala ‘The Prince of Darkness’… U l-membri l-oħra tal-Black Sabbath, fosthom il-kantant Tony Iommi u Geezer Butler, li jdoqq il-bass, ħarġu stqarrija fejn irreferew għall-grupp bħala ‘familja li tilfet mhux biss ikonu iżda membru għażiż ħafna għaliha.’
Il-grupp Black Sabbath, tul is-snin, ipproduċa mużika – jew bħalma jsejħulha d-dilettanti ‘Rock Anthems’ – bħal Ironman, Paranoid, Loner, Sabbath Bloody Sabbath, War Pigs, Am I Going Insane, Neon Nights, Voodoo, Never Say Die u l-memorabbli Changes li kienet bidla rari fid-direzzjoni mużikali tal-grupp….Ballad jew kapolavur ta’ emozzjoni li provdiet eżempju ieħor tal-versatilità ta’ Black Sabbath.
Il-mewta ta’ Osbourne kellha wkoll element pjuttost ironiku minħabba li, hu u l-membri veterani tal-Black Sabbath, kienu l-protagonisti f’kunċert tal-aħħar – jew ‘farewell gig’ f’Birmingham; il-belt fejn kien twieled il-kantant,…U fl-aħħar sigħat, Tony Iommi, viżibbilment emozzjonat, qal li ‘Ozzy kien iffissat fuq il-mużika u kien l-aktar ferħan waqt li kien qed ikanta live quddiem l-udjenzi enormi u bħala parti minn grupp ta’ aħwa’.
Iommi u Geezer Butler, intant, qalu li jħossuhom grati li Ozzy Osbourne seta’ jaqsam l-aħħar mumenti maġiċi magħhom ‘on stage’ minkejja li saħħtu kienet sejra lura sew fl-aħħar ġimgħat.
Ozzy Osbourne, fl-aqwa tiegħu, kien fost l-aktar artisti enerġetiċi u kontroversjali li qatt introduċew ruħhom fil-mużika Rock u bħalissa, l-hekk-imsejħa ‘Rejiet tal-Heavy Metal’ qegħdin ifakkru l-memorja ta’ mużiċista li dejjem qisuh bħala ‘ikonu u eroj’.
Il-gruppi li, bħalissa, qed jiċċelebraw il-wirt mużikali ta’ Ozzy Osbourne jinkludu Metallica, Aerosmith, Guns and Roses, The Smashing Pumpkins, AC/DC, Alice Cooper, Billy Idol u l-Foo Fighters.
Il-kantant-pjanist u kompożitur Elton John ukoll esprima niket għat-telfa ta’ Osbourne waqt li Robert Plant, il-kantant tal-grupp Led Zeppelin, sostna li ‘Ozzy kien pijunier mużikali li biddel tassew il-Pjaneta tar-Rock’.
Min-naħa tiegħu, Gene Simmons, il-kantant tal-grupp Amerikan Kiss, qal li fil-preżent, miljuni ta’ fans madwar id-dinja jinsabu xukkjati għaliex Ozzy Osbourne kien jissimbolizza s-soundtrack ta’ żgħożithom.
Ozzy Osbourne, fl-1979, kien telaq il-Black Sabbath fost id-diżgwid mal-membri tal-grupp u kiseb suċċess kbir wara li ħareġ aktar minn 12-il album bħala solista. Is-single li ddebutta bih bħala solista kien jismu Crazy Train u jibqa’ fost l-aktar kanzunetti memorabbli tiegħu mingħajr il-backing tal-Black Sabbath.
Fis-snin 2000, Ozzy Osbourne ippreżenta dehra differenti ħafna mill-famuż ‘Wild Man of Rock’, permezz tar-reality show bl-isem The Osbournes fejn qaxxar il-parti tal-missier ta’ familja daqsxejn imqarqċa.
Fil-preżent, id-dilettanti ta’ Ozzy u Black Sabbath qed iżommu l-memorja tiegħu ħajja bit-tqegħid ta’ fjuri quddiem il-mural tal-grupp f’Birmingham kif ukoll bil-mumenti ta’ riflessjoni fil-Hollywood Walk of Fame, fil-belt Amerikana ta’ Los Angeles.
//= $special ?>