Wara snin twal ta’ pressjoni li għamel il-Partit Nazzjonalista permezz tal-kunsillieri lokali u d-deputati tiegħu, flimkien ma’ voluntieri, bdiewa u residenti taż-Żurrieq, il-Gvern Laburista ċeda l-armi u kien kostrett jagħmel U-turn fuq l-art agrikola fiz-zona magħrufa bħala Tal-Bebbux, li issa tħabbar li mhux se tinqered.
Bis-saħħa tal-ħidma qawwija li saret minn dawk kollha involuti, din il-medda kbira ta’ art agrikola fiż-Żurrieq ġiet salvata u l-proġett tal-bini ta’ appartamenti u l-qerda tal-għelieqi f’dawn l-inħawi mhux se jsir.
Dan wara li lbieraħ il-kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista fiż-Żurrieq ġabu konferma verbali minn żewġ Ministri, li l-pjani għal dan il-proġett se jiġu mwarrba. Din hija rebħa għaż-Żrieraq kollha li waslet wara l-pressjoni qawwija li saret fost l-oħrajn mill-Partit Nazzjonalista.
Fi stqarrija mill-Minority Leader u Kunsillier Lokali tal-PN fiż-Żurrieq Kyle Mifsud u l-Kunsilliera Lokali tal-PN fiż-Żurrieq Dino Bonnici u Marylyn Sammut,qalu li l-Awtorità tal-Artijiet, bil-barka tal-Gvern, kienet ippermettiet li parti minn art pubblika f’Tal-Bebbux fiż-Żurrieq – art agrikola li ilha għexieren ta’ snin tinħadem mill-bdiewa – tiddaħħal f’applikazzjoni ta’ żvilupp mill-privat.
Dan wassal biex il-kunsillieri tal-PN fiż-Żurrieq, f’isem ir-residenti u l-bdiewa, iressqu Mozzjoni biex il-kunsill lokali jsemma’ l-vuċi tar-residenti u jikteb uffiċjalment lill-Awtorità tal-Artijiet biex tirtira l-kunsens tagħha għall-applikazzjoni PC068/22.
Il-kunsillieri tal-Partit Laburista vvutaw kontra din il-Mozzjoni u allura vvutaw kontra dak li talbu r-residenti li kienu qed jinsistu li l-ebda parti mill-art pubblika ma għandha tiġi meqjusa għal xi tip ta’ żvilupp, lanqas ta’ triq.
L-Għaqda Residenti Żrieraq, flimkien mal-bdiewa, għamlet talba lill-Kunsill Lokali taż-Żurrieq biex jirribatti mill-ġdid l-applikazzjoni li kienet se twassal għall-qerda ta’ medda kbira ta’ għelieqi fil-lokalità. Il-kunsillieri tal-Labour ivvutaw kontra li jsir dan u għalhekk kontra x-xewqa tal-bdiewa u r-residenti.
Iżda wara li kompliet issir iktar pressjoni mill-kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista bl-appoġġ tad-deputati tal-PN u Shadow Ministers Toni Bezzina, Stanley Zammit u Rebekah Borg, flimkien mar-residenti u bdiewa, il-Gvern kellu jdoqq l-irtirata.
F’laqgħa li saret ilbieraħ, il-Ministri Clint Camilleri u Owen Bonnici taw il-kelma tagħhom li dan il-proġett mhux se jsir. Wieħed jittama li din il-kelma tinżamm u issa jidħlu fis-seħħ il-proċeduri neċessarji, kemm legali kif ukoll amministrattivi, biex din izzona tiġi salvata.
Il-kunsillieri u d-deputati tal-Partit Nazzjonalista jesprimu s-sodisfazzjon tagħhom dwar ir-revoka tal-pjani li kien hemm għall-iżvilupp f’dawn l-inħawi – liema deċiżjoni kienet ħażina mill-bidu nett – u jfakkru li kien biss bis-saħħa ta’ din il-pressjoni li saret fuq il-Gvern li f’Tal-Bebbux għaddiet tar-residenti Żrieraq.
//= $special ?>