Shaheen Mohamad Ali Abdurahman Ajeli Nur, ċittadin Sudani li jgħix fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far, wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih relatati ma’ fastidju, xorb f’post pubbliku, ksur tal-paċi pubblika u atti ta’ indeċenza.
L-inċident li wassal għall-akkużi seħħ fi Triq il-Ġiebja, fis-Swieqi, meta l-akkużat segwa mara hekk kif kienet miexja fit-triq, sakemm waslet fid-dar tagħha. Skont l-Ispettur Kelsey Bugeja, li mexxiet il-prosekuzzjoni flimkien mal-Ispettur Jonathan Cassar, qalet li l-persuna mixlija segwiet lill-vittma sa ġewwa l-kumpless tal-appartamenti, fetaħ il-bieb tal-ġnien mingħajr permess, u imbotta lill-mara sabiex jidħol warajha ġewwa l-binja.
Il-Qorti semgħet kif il-vittma, bl-għajnuna ta’ resident ieħor, irnexxielha fl-aħħar mill-aħħar tkeċċi lill-akkużat mill-post. Madanakollu, waqt li kien ġewwa l-kumpless, l-akkużat neħħa l-qalziet tiegħu, f’att meqjus ta’ indeċenza gravi.
L-investigazzjonijiet wrew li l-Pulizija kienu diġà rċevew ilmenti oħra kontra dan l-istess individwu, f’okkażjonijiet differenti. Wara l-inċident fis-Swieqi, l-akkużat ġie arrestat, u filwaqt li kkoopera inizjalment mal-Pulizija, huwa pprova jaqbad l-arma ta’ uffiċjal tal-pulizija waqt li kien taħt arrest.
Minħabba l-istat ta’ intossikazzjoni severa tiegħu, kellu jiġi rkuprat l-Isptar Mater Dei għat-trattament mediku. Fil-Qorti, l-akkużat ikkonferma l-ħtija, u l-prosekuzzjoni qalet li, fid-dawl taċ-ċirkostanzi serji tal-każ u l-imġiba ripetuta tiegħu, kienet qed tirrakkomanda piena ta’ priġunerija effettiva.
L-avukat Yanika Bugeja, li dehret għall-akkużat, ma oġġezzjonatx għal sentenza ta’ priġunerija. Hija qalet li kundanna ta’ priġunerija minima kienet meqjusa meħtieġa f’dan l-istadju sabiex isir proċess ta’ riabilitazzjoni għar-raġel, partikolarment fid-dawl tal-ammissjoni bikrija tiegħu.
Ma ġietx sottomessa talba għall-ħelsien mill-arrest f’din il-fażi tal-proċeduri.
Il-każ qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella, u s-sentenza hija skedata għad-29 ta’ Lulju fin-12:30pm.
//= $special ?>