Frustrazzjoni fost ir-residenti Beltin hekk kif malli qegħdin joħorġu għall-karozzi tagħhom filgħodu qed isibu l-vetturi vandalizzati – bis-suspett li dan hu kollu xogħol ċertu żgħażagħ li qedgħin f’pajjiżna għal btala.
Residenti li kkuntatjaw lil Net News qalulna li din il-problema qed tolqot b’mod partikolari Triq il-Merkanti, u li l-maġġoranza tal-ħsara saret fil-lejl bejn il-Ħadd u t-Tnejn li għadda.
Residenti oħrajn ikkonfermaw dak li ġara, fejn qed jgħidu li xi ħadd qabżilhom fuq il-bonnet.
Hemm min qaċċatlu l-mera tal-ġenb, u saħansitra nsterqet ir-reverse camera ta’ xi ħadd ieħor… fost diversi kummenti oħrajn ta’ rabja mir-residenti.


Jirriżulta li l-Pulizija qegħdin jaraw il-filmati tas-sigurtà fil-viċinanzi biex jipprovaw isiru jafu min wettaq dawn il-ħsarat, iżda li dan xorta hu tard wisq, speċjalment la l-ħsara diġà saret u jekk il-vandali huma turisti li diġà telqu minn Malta.
Ir-residenti sostnew li dawn huma r-riperkussjonijiet tal-ħolqien ta’ zoni ta’ divertiment viċin zoni residenzjali… zoni li spiccaw bla ebda kontroll u monitoraġġ, u li saħansitra r-resident qed jispiċċa jħallas il-prezz għal din in-negliġenza u nuqqas ta’ ppjanar.




