Mara akkużata li serqet numru ta’ oġġetti minn appartament fil-Gżira, li l-valur tagħhom jaqbeż l-€20,000, ingħatat il-ħelsien mill-arrest taħt kundizzjonijiet stretti. Abigail Bugeja, ta’ 38 sena minn San Ġiljan, tressqet il-Qorti l-Erbgħa akkużata b’serq aggravat u reati relatati.
Il-prosekuzzjoni spjegat li l-każ seħħ f’żewġ okkażjonijiet separati f’Savoy Gardens fil-Gżira, fit-23 u s-27 ta’ Marzu 2025. Fil-ġurnata tal-ewwel serqa, bejn id-9 ta’ filgħodu u l-5 ta’ filgħaxija, Bugeja allegatament serqet ħwejjeġ, kożmetiċi u oġġetti personali oħra, b’valur ta’ €2,329.37.
Erbat ijiem wara, allegatament irritornat fl-istess post u wettqet serqa oħra, din id-darba ġojjellerija, flus kontanti, żewġ power banks, iPad Air u diversi oġġetti oħra, b’valur li kien jaqbeż ukoll dak tas-serqa preċedenti. Il-valur totali tal-oġġetti misruqa huwa stmat li jilħaq madwar €20,000.
Fil-Qorti ntqal li s-serq qed jiġi meqjus bħala aggravat, mhux biss minħabba l-ammont sostanzjali tal-oġġetti misruqa, iżda wkoll għax is-serqa saret minn residenza privata. L-akkużata ġiet identifikata permezz ta’ marki tas-swaba’ u filmati CCTV, u kienet arrestata fil-21 ta’ Lulju, u interrogata l-għada filgħodu.
Fil-Qorti, Bugeja wieġbet mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontriha. L-avukat difensur tagħha, Nicholas Mifsud, talab il-ħelsien mill-arrest, billi argumenta li l-fatti tal-każ imorru lura għal aktar minn erba’ xhur ilu u li l-familja tagħha kienet daħlet għaliha biex issostni l-proċess ta’ riforma personali tagħha.
Mifsud qal li Bugeja bdiet taħdem mal-Caritas, reġgħet bdiet tiltaqa’ mal-uffiċjal tal-probation, u qiegħda fi programm ta’ riabilitazzjoni mid-droga. Saħaq ukoll li Bugeja qatt ma kienet il-ħabs, l-aħħar darba li tressqet il-Qorti kienet fl-2008, u qatt ma kisret kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest fil-passat.
“Il-ħabs mhux is-soluzzjoni,” sostna l-avukat, u wissa li l-priġunerija tista’ tkissrilha l-progress li għamlet biex terġa’ tintegra fis-soċjetà u tibni mill-ġdid ir-relazzjonijiet mal-familja tagħha. Il-prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Christine Delia u assistita mill-avukati Claire Sammut u Luigi Gulia mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, opponiet it-talba għall-ħelsien, u fakkret dwar is-serjetà tar-reati, il-valur sinifikanti tal-oġġetti misruqa, kif ukoll ir-riskju li terġa’ tagħmel reati simili.
Ġiet ukoll irrimarkata l-fatt li l-akkużata kienet daħlet l-isptar il-ġurnata ta’ qabel minħabba overdose. Wara li semgħet is-sottomissjonijiet, il-Qorti, filwaqt li qieset li l-akkużata għadha preżunta innoċenti u li r-riabilitazzjoni tagħha tista’ tkun aktar effettiva barra mill-ħabs, iddeċidiet li tagħtiha l-ħelsien mill-arrest taħt kundizzjonijiet stretti ħafna.
Abigail Bugeja ġiet sottoposta għal ordni ta’ probation għal tliet snin, ordni ta’ superviżjoni, curfew u ordnat li tkompli l-programm ta’ riabilitazzjoni kontra d-droga. Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur ir-resident tal-appartament minn fejn allegatament twettqu s-serqiet.
Waqt li indirizzat lil Bugeja direttament, il-Maġistrat wissiha: “Jekk tikser xi waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, minn hawn se tmur dirett il-ħabs.” Il-każ għad irid jissokta f’seduti futuri fejn fi żmien qarib tibda l-kumpilazzjoni fejn jinstemgħu għadd ta’ xhieda.
//= $special ?>