Ma taqta’ xejn in-nuqqas ta’ konsultazzjoni minn naħa tal-Gvern ta’ Robert Abela, hekk kif fi Triq Bażilju fl-Imqabba għaddejjin xogħlijiet li ħadd ma kien jaf bihom.
Propju ftit tal-jiem ilu r-residenti ta’ din it-triq b’sorpriża qamu għall-ħoss ta’ tkissir, trab u storbju f’din it-triq mingħajr ma kienu jafu x’qed jiġri. Dan hekk kif lanqas il-Kunsill Lokali tal-Imqabba ma ġie infurmat b’dan il-proġett.
Persuni li tkellmu ma’ Net News qalu li dawn ix-xogħlijiet qed isiru kaġun ta’ ħsarat fis-sistema tad-drenaġġ. U għalkemm jifhmu li ċertu xogħlijiet hemm bżonn li jsiru, il-fatt li ma ġewx avżati minn qabel ħolqitilhom inkonvenjent kbir. Dan apparti li s-sitwazzjoni ħolqot inkonvenjent kbir għall-ħwienet li hemm f’din iz-zona – speċjalment minħabba l-fatt li din it-triq hija dejqa ferm.
Infatti jumejn wara li bdew dawn ix-xogħlijiet saret laqgħa tal-Kunsill u meta saru mistoqsijiet biex tinkiseb informazzjoni b’rabta ma’ dawn ix-xogħlijiet, il-Kunsill ikkonferma li fl-ebda ħin ma ġie infurmat, u lanqas biss kien hemm applikazzjoni għal permessi.
Fit-triq kien hemm ukoll periklu kbir, ma ġiex installat dawl għal filgħaxija u l-inġenji qed jitħallew fin-nofs sabiex it-triq tibqa’ magħluqa.
Intant, ħadd m’għandu idea kemm se jdumu dawn ix-xogħlijiet fit-triq u jekk hux se tittieħed l-azzjoni neċessarja sabiex il-proċess isir kif suppost.
//= $special ?>

