Tonio Friggieri, raġel ta’ 61 sena mill-Ħamrun, ġie ordnat mill-Qorti biex jagħmel 100 siegħa xogħol komunitarju mhux imħallas wara li ammetta miżappropjazzjoni ta’ €5,600 fil-konfront ta’ ħabib tiegħu. Il-Qorti infurmat lil Friggieri li kien qiegħed jiffaċċja sa sentejn ħabs, iżda hu reġa’ kkonferma l-ħtija tiegħu.
Fil-kunsiderazzjonijiet tagħha dwar il-piena, il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia, qieset l-ammissjoni kmieni tiegħu kif ukoll ir-rekord kriminali tal-imputat li huwa wieħed mhux mittiefes. Żiedet tgħid li l-akkużat kien diġà radd lura l-flus, u l-vittma xehed fil-kawża li huma reġgħu saru ħbieb u saħansitra tah aktar xogħol.
Uffiċjal tal-probation informa lill-Qorti li Friggieri għandu ħajja stabbli u jqatta’ ħafna mill-ħin tiegħu jaħdem. Il-Qorti rrimarkat li Friggieri ammetta l-ħtija tiegħu, u qieset li piena ta’ ħabs, kemm jekk sospiża kif ukoll effettiva, ma kinitx xierqa f’dan il-każ.
Għaldaqstant, ordnat li jagħti xi ħaġa lura lis-soċjetà billi jagħmel xogħol komunitarju.
L-Ispettur Ritienne Gauci mexxiet il-prosekuzzjoni.
//= $special ?>