Futbol Sport

56 sena llu Hibernians kienu lagħbu kontra FC Spartak Trnava u temmew fi draw ta’ 2-2

Azzjoni mill-partita ta;' 56 sena llu bejn Hibernians u FC Spartak Trnava, li kienet intlagħbet fl-Istadium tal-Gżira u ntemmet 2-2.
Azzjoni mill-partita ta;' 56 sena llu bejn Hibernians u FC Spartak Trnava, li kienet intlagħbet fl-Istadium tal-Gżira u ntemmet 2-2.

Illejla, Hibernians se jkunu qed jerġgħu jilgħabu kontra FC Spartak Trnava tas-Slovakkja għas-seba’ darba fl-istorja ta’ kompetizzjoni Ewropea. F’ħamsa mis-sitt partiti li diġa’ lagħbu l-Pawlisti kontra dan it-tim, ir-riżultati dejjem raw lil Hibernians joħorġu telliefa, iżda f’konfront minnhom, dak ta’ 56 sena llu, it-tim minn Raħal Ġdid kien ta prestazzjoni mill-aqwa fl-Istadium tal-Gżira, minkejja li eventwalment kien eliminat.

Dak in-nhar Hibernians u FC Spartak Trnava kienu ġew biex jilagħbu għall-ewwel darba kontra xulxin fit-Tazza taċ-Champions. Fl-ewwel leg, fl-Istadium tal-Gżira, quddiem attendenza ta’ ftit anqas minn 9,000 ruħ, Hibernians kienu kisbu riżultat prestiġjuż ta’ 2-2 kontra FC Spartak Trnava, li f’dak iż-żmien kienu qed jirrapreżentaw liċ-Ċekoslovakkja.

Nhar l-Erbgħa, 17 ta’ Settembru 1969, Hibernians kienu lagħbu għall-ewwel darba kontra dawn l-avversarji, f’polza li ftit li xejn kienet iffavurixiet lit-tim Malti, li fl-istaġun ta’ qabel, 1968/69 kienu għadhom kemm rebħu l-Kampjonat Malti.

Għaldaqstant ir-riżultat finali ta’ din il-partita, sal-lum jibqa’ imfakkar bħala wieħed mill-aqwa riżultati ta’ tim Malti f’kompetizzjoni Ewropea, b’tim kompost minn plejers Maltin ta’ isem, u li kitbu parti mill-istorja tal-futbol lokali. Fost il-plejers Maltin, li f’dak iż-żmien kienu meqjusa fost l-aqwa li kelna fil-futbol Malti, kien hemm il-gowlkiper Freddie Mizzi, Johnnie Privitera, Freddie Delia, Eddie Theobald, Edward Azzopardi, Edward Aquilina u oħrajn,

56 sena llu, Hibernians kienu sempliċiment spettakolari fl-ewwel logħba tal-ewwel rawnd tat-Tazza taċ-Champions. Aktar minn hekk ir-riżultat jibqa’ meqjus bħala wieħed prestiġjuż, la darba f’dak iż-żmien,  FC Spartak Trnava kien wieħed mill-aqwa timijiet Ewropej.

Taħt it-tmexxija ta’ Lino Bugeja, b’Fr Hilary Tagliaferro bħala Direttur Tekniku, f’logħba li kienet bdiet fl-4pm, kienu Hibernians li ssorprendew lill-avversarji l-ewwel fil-partita.

L-ewwel taqsima kienet intemmet f’draw ta’ mingħajr gowls, iżda wara 12-il minuta mil-bidu tat-tieni 45 minuta, is-sostitut Victor Cassar fetaħ l-iskor b’daqqa ta’ ras li kienet għelbet lil Josef Geryk.

Cassar, magħruf aħjar bħala ‘il-Palun’, kien ilu biss minuta fil-pitch wara li kien daħal jilgħab minflok il-captain Pawlist, Johnnie Privitera.

L-avversarji tal-Maltin wetqu reazzjoni mal-ewwel, u wara li l-Istadium tal-Gżira kien għadu kemm sploda bil-ferħ għall-gowl tal-vantaġġ skorjat minn Cassar, żewġ minuti wara, FC Spartak Trnava skorjaw il-gowl tad-draw momentarju għal 1-1. Kienet konkluzzjoni ta’ Jozef Adamec li għelbet lill-gowliper internazzjonali Malti, Freddie Mizzi biex l-iskor reġa’ ġie indaqs għal 1-1.

Dan il-gowl ta aktar saħħa u għolla aktar il-moral taċ-Ċeki tant li 11-il minuta wara, iċ-champions Ċekoslovakkja, u l-iskwadra li kienet taħt it-tmexxija tal-kowċ Ján Hucko, marret fil-vantaġġ għall-ewwel darba fil-partita.

Il-gowl tat-2-1 kien skorjat minn Stanislav Martinkovic b’konkluzzjoni bir-ras li għelbet lil Mizzi, bil-ballun qabez il-linja tal-gowl bi ftit u r-referee tal-logħba, it-Taljan, Aurelio Angonese ikkonvalida l-gowl li permezz tiegħu, FC Spartak Trnava marru minn fuq.

Hibernians kienu bravi biżżejjed li baqgħu tattikament kompatti u minkejja li l-avversarji tagħhom kienu għadhom kemm dawru r-riżultat favur tagħhom f’temp ta’ ftit minuti, il-Maltin ma ċedewx l-armi.

Ħames minuti mit-tmiem tal-logħba, l-Istadium tal-Gżira reġa’ sploda bil-ferħ u l-għajjat għall-gowl tad-draw li kien skorjat minn Salvu Bonello.

Dan kien il-gowl tat-2-2 u li sat-tmiem tal-logħba baqa’ l-istess biex ġimgħatejn wara, f’dar l-avversarji l-istorja kienet kompletament differenti, u FC Spartak Trnava kienu għelbu lil Hibernians 4-0. B’hekk fl-ewwel darba li dawn iż-żewġ klabbs ġew biex jilgħabu kontra xulxin, f’partita valida għal kompetizzjoni tal-klabbs tal-UEFA, Hibernians sfaw eliminati b’aggregate finali ta’ 6-2.

Nhar is-17 ta’ Settembru 1969, f’partita li tibqa’ memorabbli għal Hibernians u għall-futbol Malti, il-formazzjoni Pawlista kienet din:

1 Freddie Mizzi, 2 Johnnie Privitera (Captain) (13 Victor Cassar ‘Il-Palun’ 56’), 3 Freddie Mallia, 4 Freddie Delia, 5 Edward Azzopardi, 6 Edgar Caruana, 7 Charles Micallef ‘Id-Dunda’, 8 Edward Aquilina, 9 Salvu Bonello, 10 Eddie Theobald, 11 Norman Buckle (14 Charles ‘Skipper’ Formosa 70’).