Is-17-il stadju tat-Tour de France, li kien fuq distanza ta’ 160.4 kilometri minn Bollene sa Valence, ra s-suċċess għat-Taljan Jonathan Milan għal Lidl Trek li rebaħ bi sprint fuq il-grupp fi 3 sigħat 25 minuta u 30 sekonda.
Warajh kollha bl-istess ħin temmew Jordi Meeus tal-Belġju għal Red Bull Bora Hans Grohe, id-Daniż Tobias Lund Andresen għal Team Picnic Post u l-Belġjan Arnaud de Lie għal Team Lotto.
Fil-bqija tal-grupp fil-ħames u s-sitt post jispikkaw it-Taljani Davide Ballerini għal Team Astana u Alberto Dainese għal Tudor Pro Cycling Team.
Fil-klassifika ġenerali wara li saru 17 mill-21 stadju tat-Tour, fl-ewwel post baqa’ is-Sloven Tadej Pogacar għal UAE Team Emirates b’total ta’ 61 siegħa 50 minuta u 16-il sekonda fejn fetaħ vantaġġ ta’ 4 minuti u 15-il sekonda fuq Jonas Vingegaard tad-Danimarka għal Team Visma Lease a Bike u disatakk ta’ 9 minuti u 3 sekondi fuq il-Ġermaniż Florian Lipowitz għal Red Bull Bora Hans Groche.
Fir-raba’ post b’distakk ta’ 11-il minuta u 4 sekondi tela’ l-Britanniku Oscar Onley għal Team Picnic Post.
It-18-il stadju huwa fuq medda ta’ 171.5 kilometri minn Vif sa Courchevel Col de La Loze .
//= $special ?>