Il-bank Armen Ardshinbank ikkonferma li għamel offerta sabiex jakkwista l-bank HSBC f’pajjiżna, bil-bank Armen jinsab fiduċjuż li l-offerta tiegħu tiġi aċċettata. Dan ġie żvelat mit-Times of Malta fejn intqal li issa qed jistennew risposta mill-HSBC Continental Europe dwar din l-offerta – u jekk tiġi aċċettata l-bank Armen ikun akkwista 70% tal-bank f’Malta.
Huma jinsabu konvinti li se jakkwistaw l-bank f’pajjiżna hekk kif propju ftit tax-xhur ilu xtraw il-bank HSBC fl-Armenja; bil-proċess kien konkluż f’Novembru tas-sena li għaddiet. Dan filwaqt li kienu ilhom interessati li jakkwistaw l-HSBC f’Malta minn meta ħarġet l-aħbar li l-bank se jitlaq – aħbar li kienet ħarġet f’Settembru li għadda.
Din il-mossa minn naħa ta’ Ardshinbank se timmarka l-ewwel pass fl-Unjoni Ewropea għal din l-istituzzjoni finanzjarja, hekk kif s’issa dan il-bank ħadem esklussivament fl-Armenja.
Karen Safaryan li huwa sid il-bank beda n-negozju tiegħu fir-Russja lura fis-snin disgħin u dejjem insista li matul is-snin mexxa kważi l-assi kollha tiegħu fl-Armenja; iżda xorta hemm tħassib dwar ir-reputazzjoni tal-bank.
Din mhix l-ewwel darba li kien hemm bank b’reputazzjoni dubjuża li prova jakkwista l-HSBC. Infatti wieħed mill-ewwel banek li wera interess kien il-Bank Unġeriż OTP – iżda naqas milli jagħmel offerta wara tħassib fuq ir-reputazzjoni.
Ftit tax-xhur ilu, il-kumpanija Ġermaniża tal-fintech bl-isem RS2, naqset milli tagħmel offerta wara li l-HSBC kien għolla l-prezz.
Dan apparti li l-APS Bank ukoll naqas milli jagħmel offerta hekk kif ma kellux sapport mill-istituzzjonijiet.
//= $special ?>