Il-Ministeru tal-Ippjanar neħħa siġġu minn fuq il-bord tal-ippjanar li suppost hu rreservat għal NGOs ambjentali, u minflok tah lil perit bi ksur ta’ regolamenti.
Dan intqal minn grupp ta’ seba’ NGO’s f’dikjarazzjoni konġunta, fejn qalu li r-rappreżentant tal-NGOs ambjentali, Romano Cassar, ma kienx maħtur mill-ġdid fuq il-bord wara li skada t-terminu tiegħu nhar it-Tlieta, u minflok is-siġġu ngħata lill-perit Jorge Spiteri – kif ġie kkonfermat mill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar.
Fid-dikjarazzjoni sostnew li dan sar kontra r-regolamenti tal-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp, li jgħid li l-bord għandu jinkludi rappreżentant tal-interessi tal-NGOs ambjentali. Sotnew ukoll li l-ebda NGO ambjentali ma ġiet ikkuntattjata dwar din il-kwistjoni, u li n-nuqqas ta’ rappreżentant tal-interessi tal-NGOs ambjentali jista’ jikkomprometti l-legalità tad-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-bord fil-futur.
Id-dikjarazzjoni ġiet iffirmata mill-Ramblers Association of Malta, Flimkien Għal Ambjent Aħjar, BirdLife Malta, Din l-Art Ħelwa, Nature Trust Malta, Moviment Graffitti u Għawdix.
//= $special ?>