Iwassal il-kondoljanzi lill-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono u lill-familja tagħha
Il-Partit Nazzjonalista jsellem il-memorja ta’ Anthony Spiteri Debono, u jwassal il-kondoljanzi tiegħu lil martu, l-Eċċellenza Tagħha l-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, u lil uliedhom Elena, George u Maria Kristina.
In-Nutar Anthony Spiteri Debono, minbarra li kellu suċċessi fil-karriera tiegħu, kien dejjem ta’ sostenn sħiħ għall-familja tiegħu, u partikolarment għal martu fil-karigi kollha tagħha, inkluż fil-Presidenza.
Raġel ta’ ftit kliem li kien pilastru għall-familja tiegħu, Spiteri Debono jibqa’ mfakkar għall-karattru umli u ta’ ħafna rispett. Rispett li kien u jibqa’ reċiprokat minn dawk kollha li kienu jafuh. Il-Partit Nazzjonalista jirringrazzjah ta’ dak kollu li għamel għall-ġid ta’ Malta u Għawdex.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech għamel kuntatt mal-Eċċellenza Tagħha l-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono u wkoll offra l-kondoljanzi sinċieri lilha u lill-familja tagħha f’ismu, f’isem martu u wliedu, u f’isem il-PN.
Hu ddeskriva lin-Nutar Anthony Spiteri Debono bħala raġel awtentiku u ġentili u fisser it-tifkiriet sbieħ li għandu tiegħu fiż-żmien meta kienu flimkien fil-kors tal-liġi, kemm bħala kollega u anke fil-qadi ta’ dmirijietu bħala r-raġel tal-President ta’ Malta.
//= $special ?>