Lokali

In-negozji ż-żgħar qed jiġu affetwati mill-qtugħ tad-dawl

Is-saga tal-qtugħ tad-dawl f’pajjiżna ma ratx waqfien, hekk kif aktar lokalitajiet qed ikomplu jesperjenzaw qtugħ ta’ dawl fl-eqqel ta’ mewġa tas-sħana.

Il-qtugħ tad-dawl qed iħalli konsegwenzi kbar fost il-poplu Malti u Għawdxi, minn problemi fis-saħħa sa problemi fid-djar u n-negozji. Bin-negozji ż-żgħar ikunu fost l-aktar li qed jiġu affetwati minn dan.

Kien ristorant illi permezz ta’ post fuq il-midja soċjali spjega illi kellu jerġa’ jagħlaq matul il-jum tal-Ħamis minħabba li nqata’ d-dawl fil-lokalità fejn jinsab.

Fil-post, kien spjegat li din hija t-tieni darba li l-istabbiliment kellu jagħlaq fl-aħħar 24 siegħa, u s-sitt darba li kellu jagħlaq f’temp ta’ xahrejn. Għeluq li bla dubju, iħalli detriment fuq in-negozju.

Tant hu hekk, illi fl-istess post, kienu ttagjati wkoll il-Gvern Laburista u l-Prim Ministru Robert Abela fejn kien mistoqsi jekk hux se jkun qed jingħata kumpens “lil negozji żgħar li qed tirrovinaw”.