Internazzjonali

Ir-Russja u l-Ukrajna jaqblu fuq skambju ta’ priġunieri

Ir-Russja u l-Ukrajna qablu dwar skambju ta’ priġunieri waqt it-tielet laqgħa diretta tagħhom li saret f’Istanbul – fejn dehru li għamlu ftit progress dwar termini għal waqfien mill-ġlied.

Il-laqgħa saret ftit jiem wara li l-President Amerikan Donald Trump ta ultimatum ta’ 50 jum lil Moska biex tasal għal paċi, jew inkella tiffaċċja tariffi severi ħafna.

Il-President Russu Vladimir Putin ma rrikonoxxiex pubblikament l-ultimatum ta’ Trump, u Moska kompliet tattakka bl-ajru bl-użu ta’ drones u missili fuq bliet Ukreni, waqt li t-truppi tagħha qed ikomplu mexjin lejn il-front tal-Lvant.

Wara l-laqgħa tal-Erbgħa, l-Eks Ministru tad-Difiża tal-Ukrajna qal li ppropona summit sal-aħħar ta’ Awwissu bejn il-President Ukren Volodymyr Zelensky u Vladimir Putin, u ssuġġerixxa wkoll li l-President Amerikan Trump u l-President Tork Erdoğan ikunu preżenti.

Madankollu, delegat Russu qal li laqgħa bħal din tkun xierqa biss biex jiġi ffirmat ftehim.

Iż-żewġ naħat baqgħu wkoll ma qablux fuq it-termini ta’ kwalunkwe waqfien mill-ġlied, fejn l-Ukrajna kienet qed titlob għal waqfien mill-ġlied sħiħ filwaqt li r-Russja kienet qed issejjaħ għal sensiela ta’ waqfiet qosra – sabiex timijiet mediċi jkunu jistgħu jiġbru l-mejtin u l-midruba.