Formula 1 Sport

“It-tluq ta’ Christian Horner mhux se jkollha impatt fuq il-futur tiegħi” – Max Verstappen

(Ritratt: EPA)

Is-sewwieq ta’ Red Bull Max Verstappen stqarr bl-aktar mod ċar li t-tluq ta’ Christian Horner mill-pożizzjoni ta’ team principal minn ma’ Red Bull mhux se tkun qed tħalli impatt fuq il-futur tiegħu mal-istess tim.

Horner tkeċċa minn Red Bull tlett ijiem biss qabel il-Grand Prix tal-Ingilterra u postu ħadu Laurent Mekies.

Verstappen pubblikament qal li din id-deċiżjoni mhux se tkun qed timpattah u l-unika interess tiegħu huwa li jara li l-karozza tiegħu tkun fl-aħjar kundizzjoni.

Is-sewwieq Olandiż jidher li se jkun qed jibqa’ jsuq għal Red Bull anke wara dan l-istaġun, bil-kuntratt attwali tiegħu huwa sal-2028. Jirriżulta li f’Verstappen hemm interess qawwi minn Mercedes ukoll.

Hu stqarr li l-aħħar sena u nofs ma kenux kif xtaq iżda qal li din is-sena hu flimkien mat-tim tiegħu qed jippruvaw ikunu aktar kompetittivi.

Fi tmiem din il-ġimgħa jkompli l-istaġun tal-Formula 1, bil-Grand Prix ta’ Spa, fil-Belġju, fejn fil-preżent is-sewwieqa ta’ McLaren Oscar Piastri u Lando Norris jinsabu jokkupaw l-ewwel postijiet fil-klassifika tas-sewwieqa, b’Verstappen isegwi fit-tielet post.