Futbol Sport

Iż-żagħżugħ promessa, Jake Azzopardi jagħżel li jibqa’ ma’ Valletta FC

Jake Azzopardi se jibqa' ma' Valletta FC
Jake Azzopardi se jibqa' ma' Valletta FC

Il-futur tal-plejer internazzjonali Malti ta’ 19-il sena, Jake Azzopardi mistenni jkun ma’ Valletta. Sorsi viċin il-klabb u li fl-aħħar sigħat tkellmu ma’ Replay, ikkonfermaw li fl-aħħar ġimgħat, il-midfielder żagħżugħ kien qed jikkonsidra b’serjeta offerta li saritlu minn klabb tas-Serie C fl-Italja.

Madankollu, wara li Azzopardi u Vallteta kellhom diskussjonijiet fit-tul dwar il-futur tal-plejer, li jiġi iben l-eks plejer ta’ Valletta Edward Azzopardi, hu mifhum li l-plejer, li diġà għandu esperjenza ta’ 20 partita fl-ogħla diviżjoni Maltija, se jkun qed jibqa’ mal-klabb Belti.

Azzopardi hu meqjus bħala wieħed mill-aktar plejers promettenti li attwalment għandna fil-futbol lokali, u mhux anqas ma’ Valletta. Mhuwiex sigriet li l-amministrazzjoni taħt it-tmexxija tal-President Claudio Grech, qed taħdem fuq viżjoni fejn it-talent żagħżugħ lokali jingħata prijoritá tant li kien imniedi l-proġett Gen V.

Dan il-proġett beda jitmexxa minn kowċ ġdid għall-futbol Malti, it-Taljan, Alessandro Piscina u Replay hu infurmat li l-istruttura li fuqu tfassal dan il-programm, qed jattira l-interess ta’ diversi plejers żgħażagħ u li huma meqjusa ta’ talent fil-logħba, sabiex jingħaqdu ma’ Valletta. Riċentament, il-klabb ħabbar l-akkwist taż-żagħżugħ Thomas Melillo mingħand Pietá Hotspurs.

Fid-dawl ta’ dan il-fatt, hu mifhum li plejer bħal Azzopardi għandu rwol importanti f’dan il-proġett, Gen V u din kienet waħda mir-raġunijiet għalfejn il-plejer ta’ 19-il sena għażel li jkompli l-karriera tiegħu ma’ Valletta.