Lokali Qorti

Jiċħad li ħebb u insulenta lil martu fuq ritratt tal-familja li ttella’ fuq TikTok

Raġel ta’ 55 sena minn Ħaż-Żabbar wieġeb mhux ħati għall-akkużi li ħebb u insulta lil martu waqt argument domestiku li beda wara li din tellgħet ritratt fuq TikTok tagħha flimkien man-neputijiet tagħhom. Ir-raġel ma qabilx li r-ritratti tal-minuri jitpoġġew online u talab lil martu tagħtih il-mobile, liema inciden ġie rrekordjat minnha.

L-Ispettur tal-Pulizija Colin Sheldon qal lill-Qorti li l-mara marret għand it-Taqsima għall-Vjolenza Domestika nhar it-Tnejn u allegat li r-raġel tagħha, li ilha miżżewwġa miegħu għal 35 sena, kien qed jeżerċita kontroll fuq ħajjitha. Waqt valutazzjoni tar-riskju, dan tela’ għal punteġġ ta’ 22 – livell li jfisser “periklu estrem”.  

Waqt is-seduta, l-avukat tad-difiża Kathleen Calleja Grima talbet il-ħelsien mill-arrest. L-Ispettur Sheldon oġġezzjona, billi l-mara għadha ma xehditx. L-avukat qalet li r-reġistrazzjoni tal-argument tinkludi kliem goff u li “l-mara lanqas ma għenet is-sitwazzjoni”. Żiedet tgħid li l-koppja qamu flimkien u fl-istess dar flimkien l-għada filgħodu.

L-Ispettur Sheldon irrimarka wkoll li r-raġel seta’ hu wkoll jirrapporta lill-mara, minħabba li kissritlu l-arloġġ u weġġgħetu. Madankollu, huwa rrifjuta li jagħmel rapport kontra tagħha, u qal li ma riedx jikkomplika l-affarijiet bejniethom.

Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest taħt depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €5,000. Ir-raġel ġie ordnat jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija darba fil-ġimgħa.

Il-Qorti ordnat ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-mara u ħarġet projbizzjoni fuq il-pubblikazzjoni tal-ismijiet tal-partijiet involuti.

L-Ispettur Colin Sheldon mexxa l-prosekuzzjoni, filwaqt li l-avukati Kathleen Calleja Grima u Franklin Calleja dehru għall-akkużat.