Lokali

Ma tgħidx kemm hawn Learning Support Educators neqsin

Il-Ministru responsabbli mill-Inklużjoni, Julia Farrugia, m’għandix idea kemm huma l-LSE’s li hawn neqsin bħalissa fl-iskejjel, u wisq anqas taf kemm hemm tfal li se jiġu affetwatni mal-bidu ta’ sena skolastika ġdida.

Wara konferenza tal-aħbarijiet li ndirizzat Julia Farrugia innifisha bit-titlu ‘Aktar għajnuna għall-ġenituri ta’ tfal b’diżabbiltà’, NetNews staqsa lill-Ministru propju dwar id-diffikultajiet ta’ dawn il-familji. Fosthom il-fatt li tant hawn nuqqas ta’ LSEs fl-iskejjel tal-Gvern illi familji qed jiġu sfurzati ma jibgħatux it-tfal tagħhom l-iskola….kriżi li ilha snin ma tiġi ndirizzata, u li hi ta’ piż kbir fuq il-ġenituri – propju xahrejn qabel tibda sena skolastika ġdida.

Iżda minkejja r-responsabbiltà tal-Ministru li suppost tħares dawn it-tfal bi bżonnijiet varji, Julia Farrugia la kienet taf kemm hawn LSEs neqsin u wisq anqas l-ammont ta’ tfal li qed jiġu affetwat, tant li farfret fuq il-kollega tagħha Clifton Grima.

Net News staqsa ukoll dwar id-diffikultajiet kbar li qed jesperjenzaw il-ġenituri fejn jidħlu appuntamenti li tant huma bżonnjużi għal uliedhom. B’ġenturi li spjegaw lil din il-kamra tal-aħbarijiet illi l-psikjatra tinfurmahom li għandha tara lil bindhom 3 xhur mid-data tal-vista. Iżda fir-realtà, dawn il-ġenituri jingħataw data għal 6 xhur wara – cioè d-doppju taż-żmien stipulat sabiex issir il-vista meħtieġa.

Il-Ministru Farrugia, hawn ukoll farfret totalment – din id-darba fuq il-kollega tagħha JoEtienne Abela.

U meta din il-kamra tal-aħbarijiet insistiet li hi l-Ministru tal-Inklużjoni – viżibilment skomda – l-Ministru għażlet li ma twieġeb l-ebda mistoqsija. Filwaqt li wissietna biex inxadru l-kummenti kollha li tatna. Meta fil-verità, ma tat ebda risposta.