Kmieni l-Ħamis filgħodu għall-ħabta tal-erbgħa u nofs, il-Pulizija ġiet infurmata b’inċident tat-traffiku fi Triq San Anard, Ħal Tarxien.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari rriżulta li raġel ta’ 40 sena residenti Ħal Tarxien, kien tilef il-kontroll tal-mutur Kawasaki u nqaleb. Fuq il-mutur kien hemm ukoll mara mil-Latvja ta’ 33 sena u residenti Marsaskala.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza ħadet liż-żewġ persuni l-Isptar Mater Dei, fejn ir-raġel ġie ċċertifikat bi ġrieħi gravi filwaqt li l-mara ġiet iċċertifikata bi ġrieħi serji.
Il-Maġistrat Ian Farrugia kien infurmat bil-każ u fetaħ inkjesta filwaqt li l-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet.
//= $special ?>