L-Għawdxija ta’ 24 sena, Maria Farrugia, li għal dawn l-aħħar snin kienet qed tilgħab fil-futbol Ingliż, ħabbret li se tkompli l-karriera tagħha fl-Ingilterra.
Il-plejer internazzjonali Maltija se tkun qed terġa’ tilgħab fit-tieni livell ta’ futbol femminili f’dan il-pajjiż din id-darba ffirmat ma’ Bristol City. Dan il-klabb għandu ambizzjonijiet kbar li fl-aħħar tal-istaġun 2025/26, jikseb il-promozzjoni għall-ogħla diviżjoni.
Farrugia kienet qed tilgħab l-aħħar ma’ Sheffield United, u wara esperjenza pożittiva ma’ dan il-klabb, waħda mill-aktar plejers ta’ ispirazzjoni fil-futbol tan-nisa f’Malta, kienet ħabbret li mhux se ġġedded il-kuntratt tagħha ma’ The Blades.
Għaldaqstant, fost id-dilettanti tal-futbol lokali, partikolarment dawk li jsegwu l-futbol tan-nisa, kien hemm stennija biex jaraw x’kienet se tkun id-destinazzjoni li jmiss għal Farrugia.
L-ispekulazzjonijiet malajr ġew fit-tmiemhom meta l-paġna soċjali ta’ Bristol City, ħabbru li l-Maltija ffirmat kuntratt ta’ sentejn magħhom. Fil-futbol femminili, Bristol City għandhom storja interessant u ta’ rebħ, fl-ogħla livell ta’ futbol fl-Ingilterra.
Għal Farrugia, Bristol City se jkun il-ħames klabb Britanniku tagħha fil-karriera. Sa minn età tenera, Farrugia kienet ħalliet pajjiżna biex biex tibda karriera professjonali fil-futbol lil hinn minn xtutna. Fl-istaġun 2019/20, Farrugia ssieħbet mal-ewwel klabb barrani u fl-Ingilterra, Sunderland FC. Minn dak iż-żmien ‘l hawn, l-Għawdxija baqgħet tilgħab dejjem fir-Renju Unit, ma’ klabbs differenti, u staġun wara l-ieħor dejjem kibret fil-logħba tagħha.
Il-klabbs l-oħra li Farrugia lagħbet magħhom ukoll kienu Durham Women, Lewes u l-aktar klabb riċenti, fejn damet biss staġun wieħed tilgħab magħhom, kien Sheffield United.
Mat-tim nazzjonali Malti, Farrugia li tilgħab fir-rwol ta’ midfielder u anke ta’ attakkanta, diġà lagħbet xejn inqas minn 43 partita u skorjat disa’ gowls.
//= $special ?>