Lokali

“Mossa ta’ PR diżastruża” – l-editorjal tal-MaltaToday

“L-idea ta’ Pulizija barranin f’lokalitajiet turistiċi hija biss mossa ta’ PR diżastruża għall-Gvern”.

Kien dan il-mod li bih ġiet deskritta mill-MaltaToday id-deċiżjoni tal-Gvern li jimporta tmien pulizija Taljani sabiex jassistu lill-Pulizija Maltija fil-ħidma tagħhom mat-turisti f’pajjiżna. Bl-editorjal jgħid li l-filmati li ċċirkolaw fuq il-midja soċjali fl-aħħar jiem, ta’ persuni jwettqu atti indiċenti fil-pubbliku u għajjat u storbju esaġerat… kienu sinjal għall-Gvern biex jieħu azzjoni. Dan filwaqt li l-Pulizija Maltija wettqu numru ta’ raids f’Paceville, is-Swieqi, Pembroke u San Ġwann.

Iżda, l-editorjal iddikjara li azzjonijiet ta’ darba, bħalma kienu dawn, ma kinux biżżejjed sabiex itaffu mill-piż li qed ikollhom jerfgħu r-residenti f’dawn il-lokalitajiet.

L-editur spjega li l-azzjonijiet tal-Gvern waslu tard, b’reazzjoni għal sitwazzjoni li ilha għaddejja f’pajjiżna  numru ta’ xhur – bil-Prim Ministru Robert Abela saħanistra jitkellem lura f’Ottubru li għadda dwar kif it-turiżmu ma għandux jaffettwa l-kwalità tal-ħajja tar-residenti; għal kollox kontra mir-realtà ta’ dawk li jgħixu f’lokalitajiet turistiċi.

Intant, ingħad illi l-Ministru Byron Camilleri messu indirizza konferenza tal-aħbarijiet dwar il-kollaborazzjoni li saret bejn il-Pulizija Taljana u dik Maltija u mhux ħalla lill-poplu fil-għama dwar dan kollu sakemm kien kostrett li jispjega fl-aħbarijiet.

L-editur enfasizza, li d-deċiżjoni li jinġiebu l-Pulizja Taljani sabiex jassistu lill-uffiċjali Maltin kienet sempliċiment “knee-jerk reaction”, li wriet l-inabbiltà li li l-Gvern ikun proattiv.

Fl-aħħar jiem kien żvelat fil-midja illi l-Gvern Laburista kien sfurzat li jimporta l-Pulizija Taljani sabiex jgħinu lill-uffiċjali Maltin jikontrollaw lit-turisti f’pajjiżna. Deċiżjoni li qanqlet ħafna kritika, anke fost il-Pulizija Maltin li spjegaw li din kienet mossa li turi kemm il-Ministru Camilleri ma jafdawhomx sabiex iwettqu xogħolhom.