Lokali Qorti

Multa ta’ €3,000 imnaqqsa b’€1,000 għal raġel li kellu xadina “perikoluża”

Albert Grima, raġel ta’ 43 sena mill-Mellieħa, kellu l-multa tiegħu mnaqqsa minn €3,000 għal €2,000 mill-Qorti tal-Appell Kriminali, wara li nstab ħati li żamm xadina perikoluża magħrufa bħala green monkey (Chlorocebus Sabaeus) f’post mhux adattat u mhux approvat.

Grima kien akkużat li fl-2023 ma rreġistrax lill-annimal, ma talabx l-approvazzjoni tad-direttur kompetenti, u ma żammhiex f’post awtorizzat bħalma titlob il-liġi. Minkejja li wieġeb mhux ħati, il-Qorti semgħet kif ix-xadina, li kienet f’kundizzjoni tajba u microchipped, kienet ilha għandu mill-2016 u li ttieħdet mingħand sidien oħra li kienu se jraqqduha.

Jirriżulta li fit-18 ta’ Jannar 2020, id-Direttorat għas-Servizzi Veterinarji rċieva rapport li fil-Mellieħa, fi Triq il-Qammiegħ, kienet qegħda tinżamm xadina minn persuna li, wara li saru l-verifiki neċessarji, irriżulta li kien Grima.

Dakinhar ġie vverifikat il-post u wara sar kuntatt mas-sid, bi spezzjoni oħra ssir fil-11 ta’ Frar 2020, fejn ġie vverifikat li fuq il-post kienet qed tiġi miżmuma xadina, li ma kinitx reġistrata mad-Direttur responsabbli għas-Servizzi Veterinarji fis-sena 2016, meta din setgħet tiġi hekk reġistrata skont il-liġi.

Jirriżulta wkoll li wara dakinhar, saret spezzjoni oħra fil-31 ta’ Jannar 2022, sabiex jiġi verifikat li x-xadina
kienet għadha fuq is-sit u l-mod kif kienet miżmuma. Fil-11 ta’ Frar 2022, reġgħet saret viżita oħra fis-sit inkwistjoni, bi ftehim mal-akkużat u mat-tabiba tiegħu, u dakinhar saret il-microchip sabiex ix-xadina tkun tista’ tiġi identifikata.

Skont Silvana Cassar Gauci, Senior Veterinary Support Officer mill-imsemmi Direttorat, dakinhar reġgħet ġiet verifikata l-gaġġa, u nstab li din kienet skont ir-rekwiżiti tad-Direttorat. Id-Direttur tas-Servizzi Veterinarji, Paul Portelli, spjega li din it-tip ta’ xadina jista’ jikkawża mard perikoluż għall-bniedem, u għalhekk għandu jkun approvat u miżmum f’faċilitajiet apposta. Hu sostna wkoll li l-awtoritajiet Maltin m’għandhomx spazji biex iżommu annimali bħal dawn.

Jirriżulta ċar qalet il-Qorti, li minkejja l-ispezzjonijiet li saru fis-sit inkwistjoni mid-Direttorat u li l-gaġġa li fiha eventwalment bdiet tinżamm din ix-xadina minn Grima kienet approvata mill-istess Direttorat, tant li l-imsemmija Silvana Cassar Gauci tixhed li “l-annimal mil-lat ta’ animal welfare qiegħed mizmum sew” u li fil-fatt jidher li baqa’ miżmum mill-akkużat bil-konsapevolezza tal-istess Direttorat.

Ma jistax jingħad li fil-perjodu ta’ bejn it-13 ta’ Jannar 2021 u t-13 ta’ Jannar 2022, l-annimal perikoluż inkwistjoni kien jinsab fis-sit bl-approvazzjoni bil-miktub tad-Direttur. Verament li f’dak l-istadju, l-annimal kien fis-sit bil-konsapevolezza tad-Direttorat, liema annimal lanqas ma ttieħed mingħand l-akkużat.

Madankollu ma jirriżultax li kien hemm approvazzjoni bil-miktub tad-Direttur sabiex l-annimal ikun fl-istess sit, kif tirrikjedi l-liġi, Huwa evidenti li l-annimal qatt ma ġie reġistrat minn sidu, u fil-fehma tal-Qorti huwa rrelevanti li l-liġi, wara s-sena 2016, dan ma kinitx tippermettih.

Dan għaliex sa mill-bidu u fin-nuqqas ta’ tali possibbilità ta’ reġistrazzjoni, dak li kellu jagħmel Grima – huwa li ma jeħux fil-pussess tiegħu l-annimal inkwistjoni, u b’hekk kien ikun qed jimxi mal-liġi, kif kienet dak iż-żmien.

Grima ma kienx jaf li kellu jirreġistrah, lanqas ma hija relevanti għall-fini ta’ ħtija, għaliex l-injoranza tal-liġi ma ssarraf fl-ebda skuża li permezz tagħha wieħed jiġi skulpat mir-responsabilità kriminali. Dak li kien jeħtieġ biss għall-fini ta’ ħtija dwar in-nuqqas ta’ reġistrazzjoni u l-volontarjetà fl-akkużat għall-pussess u ż-żamma tal-annimal inkwistjoni.

Fi kwalunkwe każ, l-Avukat Ġenerali ma appellax minn din il-parti tas-sentenza tal-Ewwel Qorti, li ma sabitux ħati ta’ din l-imputazzjoni, u għaldaqstant, din il-Qorti se tieqaf hawn dwar din il-kwistjoni. Fil-fatt mill-ewwel Qorti huwa ma nstabx ħati li kellu fil-pussess tiegħu annimal perikoluż, fejn ma kienx reġistrat biex iżomm.

Il-Qorti, preseduta mill-Imħallef Natasha Galea Sciberras, ikkonfermat is-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati fuq is-sustanza tal-każ iżda laqgħet parzjalment l-appell billi rrikonoxxiet li Grima ma setax jirreġistra x-xadina minħabba li l-liġi ma tħallihx. Madankollu, għamlet enfasi li l-annimal ma kienx qed jinżamm f’ambjent xieraq.

Għaldaqstant, filwaqt li s-sentenza ta’ ħtija ġiet konfermata, il-multa tnaqqset għal €2,000.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Elliot Magro, u l-appell instema’ fil-preżenza tal-Ispettur Shaun Friggieri.