minn Toni Bezzina
Shadow Minister
għall-Agrikoltura u s-Sajd
Baħar nadif, speċjalment fix-xhur tas-sajf, huwa dritt ta’ kull ċittadin ta’ pajjiżna. Li dan id-dritt jiġi rispettat, huwa dmir tal-Istat u tal-Eżekuttiv tiegħu. Sfortunatament, f’diversi lokalitajiet f’pajjiżna, dan id-dritt qiegħed jiġi miċħud liċ-ċittadini b’mod konsistenti, sforzi ta’ diversi nuqqasijiet ta’ dan il-Gvern.
Iċ-ċittadin qed jiġi mċaħħad mill-użu tal-bajjiet tagħna fis-sajf
Minn żmien għall-ieħor qed jiġi rappurtat fuq il-midja li xi bajja jew oħra, aktar iva milli le, u sfortunatament aktar minn bajja waħda, ma jkunux permessibbli tgħum fihom minħabba xi żbroff ta’ drenaġġ. Illum il-ġurnata, tali sitwazzjoni mhux xi okkażjoni unika, imma okkorrenza regolari li qegħda taffettwa ħażin lill-poplu tagħna. Fix-xhur sħan tas-sajf, meta l-għawm huwa l-iżvog prinċipali tal-Maltin u l-Għawdxin f’diversi bajjiet li għandna madwar il-pajjiż, qed jiġu mċaħħda minn dan l-iżvog għax għal diversi snin il-Gvern naqas li jagħmel dmiru u juża flus il-poplu biex is-sistema tad-drenagg f’pajjiżna tiġi modernizzata biex tilqa’ għall-bżonnijiet tal-lum.
Il-Gvern naqas milli jieħu l-prekawzjonijiet neċessarji għaż-żjieda allarmanti ta’ ħaddiema barranin f’pajjiżna
Huwa ovvju li maż-żieda allarmanti tal-popolazjoni f’pajjżna konsegwenza tal-fissazzjoni tal-Gvern Laburista li jifqa’ lil pajjiż bil-ħaddiema barranin, l-istess Gvern naqas li jieħu l-prekawzjonijiet neċessarji biex jimmeljorizza l-infrastruttura ta’ pajjiżna, fosthom is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku, id-distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb u, b’mod speċjali, in-network tad-drenagg.
L-inkompetenza ta’ dan il-Gvern u n-nuqqas serju ta’ ppjanar qed iwassal għall-inkonvenjent kbir għall-poplu tagħna li jħallas it-taxxi biex filwaqt li jkollu infrastruttura adegwata għaż-żminijiet tal-lum, ikun jista’ jgawdi l-ġranet tas-sajf, b’mod speċjali billi jmur jgħum. Mhux biżżejjed li diversi xtajtiet, għal raġuni jew oħra, m’għadhomx aċċessibbli għall-poplu: il-ftit xtajtiet li għadhom aċċessibbli, numru minnhom qed jispiċċaw imniġġsa u mċappsin bid-drenaġġ.
Popolazzjoni li fi żmien tnax-il sena żdiedet b’40%
Skont stimi uffiċjali, mingħajr ma nieħdu inkonsiderazzjoni l-ammont ta’ ħaddiema barranin li hawn f’pajjiżna li m’għandniex rekords tagħhom, il-popolazzjoni f’pajjiżna tul dawn l-aħħar tnax-il-sena żdiedet b’madwar 150,000 persuna, minn 400,000 għal 550,000. Din tfisser żieda ta’ madwar 40% fuq dak tal-2012. U għaliex qed ngħid li ż-żieda tal-popolazzjoni f’pajjiżna hija riżultat ta’ importazzjoni ta’ ħaddiema barranin? Għax filwaqt li l-ammont ta’ anzjani f’pajjiżna qed jiżdied, ir-rata ta’ twelied qegħda tonqos. Allura l-loġika tgħidlek li ż-żieda fil-popolazzjoni ta’ pajjiżna hija riżultat dirett tal-pjan ekonomiku żbaljat tal-Gvern Laburista. U x’gawda l-poplu Malti u Għawdxi minn din il-froġa tal-Gvern? Ftit li xejn, ħlief pagi baxxi jew nuqqas ta’ xogħol u overtime għal min jipprovdi ċertu servizzi sforz il-kompetizzjoni minn ħaddiema barranin li l-kontribuzzjoni lejn pajjiżna hija minima għax barra li jaħdmu ħinijiet twal, il-maġġor parti ta’ dak li jaqilgħu jibagħtuh lill-familjari tagħhom f’pajjiżhom minflok jonfquh hawn Malta… apparti li jippruvaw jgħixu bl-inqas possibbli.
Politika ekonomika ta’ Gvern li kissret pajjiż
Min qed jaqra jgħid dan x’għandu x’jaqsam mat-tniggiż tal-bajjiet tagħna? Imma, b’mod jew ieħor, kollox hu relatat. Għalkemm il-Gvern kien jaf li l-politika ekonomika tiegħu ‘in the long term’ kienet ser tkisser lil pajjiżna minn diversi lati, b’mod speċjali l-infrastruttura ta’ pajjiżna, baqa’ ċass u ma ħa l-ebda azzjoni biex jilqa’ għall-problemi li kien ser iħabbat wiċċu magħhom pajjiżna fiż-żminijiet li kienu ġejjin. Illum il-poplu qed iħallas qares għall- inkompetenza grassa tal-Gvern.
Gvernijiet Laburisti dejjem raw sal-ponta ta’ mnehirhom
Ilni għal dawn l-aħħar tnax-il sena nappella lill-Gvern Laburista u lil diversi Ministri tiegħu responsabbli mill-Infrastruttura ta’ pajjiżna l-konsegwenzi liż-żieda allarmanti u fi żmien relattivament qasir tal-popolazzjoni fuq l-infrastruttura ta’ pajjiżna kien ser ikollha. Kont profeta? Le, xejn minn dan. Imma l-għaqal ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti għallimni li Gvern serju jantiċipa u jaħseb minn ferm qabel ma’ jibda jħabbat wiċċu ma’ diversi problem. U dik hi d-differenza bejn Gvernijiet Nazzjonalisti li dejjem ħasbu fit-tul u Gvernijiet Laburisti li dejjem raw sal-ponta ta’ mneħirhom.
Nuqqas ta’ investiment fl-impjanti tat-tisfija tad-drenaġġ
Imma n-nuqqas ta’ investiment fl-intrastruttura ta’ pajjiżna mhux l-unika problema għat-tniġġiż tal-bajjiet f’pajjiżna. Problema oħra hi n-nuqqas ta’ investiment fl-impjanti tat-tisfija tad-drenaġġ, li ħmistax-il sena ilu ħadd ma kien joħlom li Gvern jibbaża l-ekonomija ta’ pajjiż fuq żieda allarmanti ta’ ħaddiema barranin.
Kontrarjament għall-Gvernijiet Laburisti, dawk Nazzjonalisti dejjem ibbażaw it-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna fuq pilastri ekonomiċi sodi: bħall-Gaming, l-Avjazzjoni, il-Marittimu u oħrajn. In-nuqqasijiet ta’ dan il-Gvern wasslu biex illum il-ġurnata, anke l-impjanti tat-tisfija tad-drenaġġ li għandna f’pajjiżna, mhux ilaħħqu mad-domanda, apparti d-diversi ħsarat li jħabbtu wiċċhom magħhom.
Dan qed iwassal għat-tniġġiz ta’ diversi bajjiet minħabba żbroffi frekwenti tad-drenaġġ apparti li d-diversi bdiewa u raħħala qed jiġu mċaħħda mill-Gvern minn ‘New Water’, sors ta’ ilma tant important għas-settur agrikolu.
L-inkompetenza tal-Gvern qegħda tolqot ħażin ukoll lis-settur agrikolu
Mhux talli li żbroff tad-drenaġġ f’diversi bajjiet tagħna minħabba nuqqas ta’ infrastruttura adegwata u impjanti tat-tisfija tad-drenaġġ li mhux qed ilaħħqu mad-domanda qed jeqirdu x-xtajtiet tagħna, talli ilma tant important bħan-‘New Water’ li hu manna għas-settur agrikolu f’pajjiżna qiegħed jinħela u jiġi mormi fil-baħar bħala drenaġġ.
Din hi l-viżjoni tal-Gvern Laburista
Bħalma għamilna tul iż-żmien, kemm jien kif ukoll diversi kollegi deputati u membri parlamentari tal-Parlament Ewropew tal-Partit Nazzjonalista ser nibqgħu naħdmu bla waqfien. Kemm fil-Parlament Malti kif ukoll fil-Parlament Ewropew.
U dan biex iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin mhux biss jibdew igawdu minn bajjiet nodfa fejn ikunu jistgħu jqattgħu ftit ħin mal-familji tagħhom, b’mod speċjali fis-sajf, iżda wkoll il-bdiewa u r-raħħala tagħna jibdew igawdu minn provvista kostanti ta’ ‘New Water’ għax minflok ilma tad-drenaġġ jispiċċa jiżbroffa fil-baħar, jiġi msaffi u trasformat f’ilma tant bżonjuż għas-settur agrikolu.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 20 ta’ Lulju, 2025.
//= $special ?>