minn Liam Sciberras
President KKLPN
u Minority Leader
Santa Luċija
Il-PN rebaħ il-fiduċja tal-poplu Malti meta kien mhux biss jaf x’inhu imma għaliex il-poplu rrelata mal-identità politika tiegħu.
Allura x’jagħmel il-PN tassew differenti minn kull partit politiku tiegħu? X’inhu l-messaġġ tagħna? X’qiegħed jiġbed jew jiddiżappunta lill-poplu? U għaliex? X’inbidel?
Ser nagħmilha ċara, il-PN, li hu aħna, jiena, inti, u kull partitarju tal-PN, jaf xi jsarraf il-PN u meta u kull darba li jien, int, aħna ħaddanna din l-identità u ’l-prinċipji tiegħu, il-poplu aċċetta t-talba u ngħaqad magħna bħalma ġara fl-elezzjonijiet ta’ Ġunju tas-sena l-oħra.
F’mument fejn il-Partit għaddej minn elezzjoni għall-Kap ġdid – mument naturali f’kull partit politiku – irridu niġbdu linja ċara bejn il-kampanja demokratika u dak li verament għandu jgħaqqadna: il-valuri fundamentali tagħna.
Il-valuri demokristjani – dawk li jpoġġu d-dinjità ta’ kull persuna fiċ-ċentru, li jħarsu lejn is-soċjetà mhux biss bħala individwi iżda bħala komunità sħiħa b’għan li titjieb ħajjet kull wieħed u waħda minna, u li jifhmu l-libertà bħala responsabbiltà. Dawn huma l-bażi li fuqhom il-PN bena Malta ġdida. U dawn il-valuri għadhom relevanti sal-lum.
Storikament, il-PN rebaħ meta mexa fuq prinċipji ċari: politika mibnija fuq il-valuri demokristjani – rispett lejn id-dinjità tal-persuna, sens ta’ komunità, tmexxija etika u lealtà lejn is-servizz pubbliku.
Meta l-PN kellu din is-sinsla, kien il-partit naturali tal-maġġoranza tal-Maltin. Mhux għax kien perfett – iżda għax in-nies raw fih serjetà, tmexxija b’sens, u ftuħ għal kull min ried jagħti sehem għall-ġid komuni.
Il-politika demokristjana mhix ideoloġija politika skaduta! Anzi hija rilevanti u bżonjuża aktar minn qatt qabel, għaliex jekk wieħed jagħti titwila lejn x’inhu jiġri madwaru, malajr jinduna li fid-dinja soċjopolitika preżenti, il-valur tal-bniedem tnaqqar u l-kwalità tal-ħajja tiegħu tmermret.
Ser nagħti ftit eżempji:
1. Id-dewmien esaġerat fit-traffiku minħabba nuqqas ta’ infrastruttura ta’ trasport adegwata – li ssarraf f’ħela ta’ ħin minn ħajtek;
2. L-ambjent (kemm urban u anke rurali) ta’ madwarek mhux joffri l-ispazji neċessarji sabiex tieqaf tgħix f’din il-ħajja mgħaġġla u tirrifletti ftit – anzi spiċċajna skjav tal-mowbajl biex inlaħħqu mac-cheklist li nagħmlu sabiex nipprovaw inlaħħqu ma’ kollox;
3. Ir-rata allarmanti ta’ żgħażagħ Maltin u Għawdxin li qed jemigraw minn pajjiżna għaliex mhux isibu l-post naturali tagħhom fil-pajjiż li tagħhom l-identità – hawn hekk ikolli ngħid li pajjiżna qed ifalli bil-kbir.
A + B = C
Minn jaf kemm smajna b’din l-equation f’dibattiti politiċi u xi tfisser?
‘A’ hija l-viżjoni,
‘B’ – dak kollu li partit politiku għandu u anke fin-nuqqas li m’għandux,
…li flimkien joħolqu ‘C’ – ir-riżultat li jwassal jekk partit politiku għandux jiggverna jew le.
U allura, kif diġà aċċennajt hawn fuq, il-politika demokristjana, le mhix politika tal-bieraħ, imma hija l-mediċina nazzjonali għal dak li gvern preżenti b’azzjonitu, inġenerali ġab b’idu stess.
Imma l-kritika biss ma tagħtina l-ebda rebħa. Jekk irridu nerġgħu nkunu gvern alternattiva serju, irid ikollna messaġġ li jipperswadi, li jispira, u li jinkludi lil kulħadd.
Il-politika demokristjana hi politika b’qalb u b’sinsla. U hija proprju din it-tip ta’ politika li għandna bżonn nerġgħu nħaddnu… mhux bħala slogan, imma bħala stil ta’ ħajja u ta’ tmexxija.
Waqt il-kampanja għall-Kap il-ġdid, il-kandidati għal dan l-irwol għandhom iżommu f’moħħhom, iżda aktar importanti, f’qalbhom, din il-missjoni; il-bniedem fiċ-ċentru tal-viżjoni tiegħu.
Il-PN irid ikompli jaħdem fuq il-“message discipline” u jifhem il-ħsieb tal-messaġġ tiegħu: mhux biss xi ngħidu, imma kif, lil min, u għaliex għandu jingħad.
Dan mhuwiex suġġett għall-kampanja ta’ individwu wieħed – hu kompitu kollettiv; tiegħi, tiegħek, tagħna, li jinvolvi kull membru, kull ħaddiem, kull simpatizzant lejn il-PN għal għan wieħed; għalina, għal Malta aħjar.
Fi proċess bħal dak li għaddej bħalissa, jista’ jkun hemm differenzi ta’ stil, ta’ ton, ta’ metodoloġija. Imma l-għan għandu jibqa’ wieħed: li noffru politika ta’ prinċipju, u partit li jagħmel spazju għall-kollaborazzjoni.
Il-Partit mhux partit magħluq. Jekk verament nemmnu fl-ispirtu demokristjan, irridu nuru ftuħ għal kull min irid jagħti sehem – minn fejn ġej, b’liema storja, jew b’liema esperjenza. Il-meritokrazija u l-umanità għandhom jimxu id f’id.
Il ‘B’ irridu nsaħħuh, kif? B’għaqda prattika u tanġibbli
Il-Kap preżenti, Dr. Bernard Grech, insellimlu minn hawnhekk u nirringrazzjah ukoll mill-ġdid li għaraf il-ħafna kwalitajiet ta’ żgħażagħ fi ħdan il-PN, ħadem sabiex il-PN jasal għar-riżultati elettorali ta’ sena ilu. Dawn ġew biss, bis-saħħa tal-għaqda.
M’hijiex kumdità – hija neċessità. Jekk wara l-elezzjoni li għandna għal Kap tal-partit naqsmu l-partit fi gruppi li jgħixu f’paralleli, qed inġibu ħsara diretta mhux biss lilna nfusna, imma lill-pajjiż kollu li għandu bżonn alternattiva b’saħħitha. Dan m’hu mument ta’ frizzjoni – hu opportunità ta’ maturità.
Iż-żewg kandidati għandhom id-dritt joffru l-viżjoni tagħhom. Imma kull wieħed minna għandu d-dover li, wara, jaħdem għas-suċċess kollettiv. Għax mhux il-Kap li jirbaħ l-elezzjoni – hu t-tim. Il-poplu li jemmen li dan il-partit jista’ jerġa’ jkun ta’ min jafdah b’maġġoranza demokratika.
L-identità tagħna mhix dwar persuna waħda. Hija dwar il-valuri li jifformawna: politika li tibni, mhux li tgħaffeġ. Politika li tisma’. Politika li tħares lejn Malta mhux bħal battalja ta’ “min għandu raġun”, imma b’xogħol serju li hemm bżonn biex kull ċittadin jgħix b’dinjità umana.
Għalhekk, ejja niftakru: Il-PN veru jirbaħ meta jkun hu nnifsu – mhux kopja ta’ ħaddieħor, u mhux kopja tal-verżjoni l-iktar viċin tiegħu stess. Il-valuri demokristjani mhumiex tal-bieraħ. Huma dawk li l-Maltin, jien, int, aħna għandna bżonn.
Il-messaġġ ewlieni f’dan il-mument hu wieħed: Ejja nkunu għaqda, ejja nkunu solidali fil-politika tal-PN, u ejja nagħmlu spazju għal kulħadd li jemmen li Malta tista’ tkun aħjar.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 20 ta’ Lulju, 2025.
//= $special ?>